B’referenza għad-dikjarazzjonijiet tal-Membru Parlamentari Ewropew Dr Peter Agius rigward l-aċċessibbiltà tal-Padiljun Sportiv u Akkwatiku ta’ Għawdex għal persuni b’diżabilità, il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar jikkjarifika li kuntrarjament għal dak li ngħad, sar investiment sostanzjali biex jiġi assigurat li l-faċilitajiet imsemmija jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-persuni b’diżabilità.
Sabiex din il-faċilità tkun kompletament aċċessibbli għal kulħadd, il-Ministeru ħa ħsieb li parti mill-pixxina tiġi mgħammra b’sistema li tippermetti li l-livell tal-ilma jitla’ u jinżel minn 2.3 metri sa 5 ċentimetri. Apparti hekk ġie installat ukoll taraġ apposta fil-pixxina, li kien iddisinjat speċifikament biex jiffaċilita l-aċċess għal persuni li għandhom diffikultajiet ta’ mobilità. Fil-jiem li ġejjin se jasal ukoll “hoist” speċjali maħsub għal persuni li jużaw siġġijiet tar-roti, sabiex dawn ikunu jistgħu jidħlu fil-pixxina b’mod sigur u dinjituż permezz ta’ dan l-apparat.
Fl-istess waqt, il-kumpless huwa mgħammar bi tliet liftijiet konformi mar-rekwiżiti tal-Commission for the Rights of Persons with Disability (CRPD), erba’ toilets u doċċi ddisinjati apposta għal persuni b’diżabilità. Dan apparti, tmien toilets oħra aċċessibbli għal siġġijiet tar-roti.
Il-Gozo Indoor Sports and Aquatic Pavillion ospita b’suċċess kamp ta’ taħriġ organizzat fl-24 u l-25 ta’ Jannar mill-Malta Trust Foundation u l-Kumitat Paralimpiku Malti, bil-kollaborazzjoni ta’ kowċis Taljani. L-inizjattiva kienet immirata biex tipprovdi taħriġ speċjalizzat u opportunitajiet ta’ kompetizzjoni għal sittax-il tifel u tifla b’diżabilità.
Permezz ta’ din il-kollaborazzjoni, tfal Maltin u Għawdxin b’abbiltajiet differenti ngħataw l-opportunità u r-riżorsi meħtieġa sabiex jitħarrġu u jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom fl-isports akkwatiċi.
Dan kollu juri li kuntrarjament għal dak li ngħad mill-Membru Parlamentari Ewropew Dr Agius, il-Ministeru ħa ħsieb li l-Padiljun jkun aċċessibbli għal persuni b’diżabilità.



