Fi stqarrija maħruġa minna, l-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Catering (ACE) qalet li hija l-missjoni tagħha li tindirizza l-kwistjonijiet rilevanti kollha li direttament jew indirettament jaffettwaw l-industrija.
ACE tħassib dwar l-aktar każ riċenti fejn aktar minn 300 courier tal-Bolt għamlu strajk bħala turija ta’ protesta għall-paga tagħhom ta’ kuljum.
Għalkemm l-ACE tħoss li l-ħaddiema għandhom dritt għall-istrajk, tħoss li azzjonijiet bħal dawn fl-aħħar mill-aħħar jolqtu lill-istabbilimenti tal-catering. Żiedet tgħid li dan ikompli jtaqqal is-sitwazzjoni preżenti fejn l-industrija diġà qiegħda taffaċċja numru ta’ sfidi.
L-assoċjazzjoni fil-jiem li ġejjin se tqajjem dan it-tħassib mal-awtoritajiet rilevanti kollha biex sitwazzjonijiet bħal dawn ma jirrepetux ruħhom. L-ACE appellat lill-istabbilimenti tal-catering li għadhom mhumiex imsieħba fl-assoċjazzjoni biex jagħmlu dan u b’hekk id-drittijiet tagħhom ikunu mħarsa kif suppost.
Min-naħa l-oħra l-ACE, fakkret dwar l-istħarriġ riċenti tagħha li jenfasizza dwar salarji adegwati fl-industrija u ħeġġet lill-couriers kollha biex jikkuntattjaw lill-assoċjazzjoni biex din tkun tista’ tgħinhom isibu impjiegi b’paga ġusta u xierqa.