Wara li ġiet varata għall-konsultazzjoni pubblika l-Labour Migration Policy, l-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Catering filwaqt li laqgħat din il-politika li se jimxi biha l-Gvern f’dan ir-rigward, b’danakollu esprimiet riservi fuq rakkomandazzjonijiet li hemm fl-istess politika.
Sostniet li tħoss li din il-politika hija meħtieġa f’qafas li jassigura li l-interessi u l-benesseri ta’ ħaddiema li mhumiex ġejjin minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea jkunu protetti mill-Istat.
F’dan il-kuntest, l-ACE laqgħet ir-rakkomandazzjonijiet bħal l-estensjoni minn sena għal sentejn biex jiġi mġedded il-perjodu ta’ ħaddiema minn pajjiżi terzi wara li jkunu għamlu sena fl-impjieg.
Madankollu, l-ACE qalet li għandha tħassib u riservi fuq rakkomandazzjonijiet oħra proposti f’din il-politika. Rakkomandazzjonijiet, li l-ACE tħoss li mhumiex sensittivi għan-natura kumplessa tal-industrija tal-catering u r-realtà tal-industrija kemm lokali kif ukoll globali li hija suġġett għal turnover akbar minn dak medju.
Fl-istess waqt, l-ACE qalet li tittama li r-rakkomandazzjonijiet proposti jiġu indirizzati fuq bażi ta’ każ b’każ aktar milli jiġi adottat approċċ ta’ kulħadd l-istess meta meqjus ir-realtajiet differenti li qed jaffaċċjaw operaturi differenti.
L-ACE ħeġġet ukoll biex terġa’ tiġi maħsuba u kkunsidrata s-sistema preżenti tal-iskills cards.