Sunday, November 3, 2024

L-ACN tagħti appoġġ tanġibbli lill-komunitajiet Ukreni

Aqra wkoll

Hekk kif it-tankijiet Russi qasmu l-fruntiera mir-Russja għall-Ukrajna, Aid to the Church in Need (ACN) immedjatament bagħtet għajnuna ta’ emerġenza lill-komunitajiet Ukreni, speċjalment lil dawk fil-parti tal-Lvant tal-pajjiż. Dawk il-komunitajiet kienu l-aktar mhedda u l-aktar li ser jintlaqtu, kif fil-fatt ġara f’dan l-aħħar xahar.

Minn dakinhar ‘l hawn, l-ACN żammet kuntatt kontinwu magħhom, kif ukoll mal-isqfijiet fl-Ukrajna. L-ACN qed toffri ikel u assistenza medika lis-saċerdoti u sorijiet li jaħdmu mar-refuġjati. Il-priorità tagħha hija li ssostni lill-Knisja f’dak il-pajjiż u li ttaffi mit-tbatijiet ta’ dawk li ma jistgħux jaħarbu. L-attenzjoni tal-ACN qed tiffoka l-aktar fuq il-Lvant tal-pajjiż, fejn il-komunitajiet kristjani huma l-agħar li ntlaqtu peress li l-kunflitt hemmhekk hu ħafna aktar aħrax, u organizzazzjonijiet oħra ta’ għajnuna ma jistgħux jilħqu dan ir-reġjun.

F’rapport estensiv maħruġ ftit jiem ilu, bl-isem “L-appoġġ tal-ACN għall-Ukrajna”, l-ACN spjegat fid-dettal l-assistenza tagħha lil mijiet ta’ komunitajiet kristjani f’dak il-pajjiż. L-ACN setgħet taġixxi immedjatament f’ċirkostanzi ta’ sfida kbira peress li f’dawn l-aħħar 30 sena bniet netwerk affidabbli ta’ msieħba fl-Ukrajna permezz tal-appoġġ ta’ diversi inizjattivi.

Ir-rapport jispjega li, fl-1989, wara l-waqgħa tal-komuniżmu, l-ACN nediet kampanja kbira ta’ tqassim ta’ kotba tal-Bibbja u talb, peress li fi żmien il-komuniżmu dawn kienu pprojbiti. Permezz ta’ din il-kampanja, mijiet ta’ kotba reliġjużi tqassmu fost l-Ukreni li kienu sabu ruħhom maqtugħin minn Ruma għal kważi 50 sena matul il-perjodu komunista.

Fit-30 ta’ Marzu 1991, il-Kardinal Myroslav Lubachivsky, kap tal-Knisja Kattolika Griega Ukrena, irritorna mill-eżilju lejn l-Ukrajna. Din id-data timmarka l-bidu tal-għajnuna tal-ACN fil-bini mill-ġdid tal-istrutturi tal-knisja.

 Mill-1 ta’ April 1993, il-programm Ukren ta’ Radju Voskresinnya (Radju tal-Qawmien) beda jixxandar fuq ir-radju nazzjonali Ukren. Sal-lum dan kien wieħed mill-proġetti ewlenin tal-ACN, li bħalissa jinkludi appoġġ għall-midja Kattolika.

Ir-rapport jispjega li minħabba r-relazzjonijiet mill-qrib ħafna u fit-tul li l-ACN bniet tul is-snin mal-imsieħba tagħha fl-Ukrajna, l-għajnuna li qed tingħata matul din il-kriżi sejra direttament u immedjatament fejn hi l-aktar meħtieġa.

Fost dawn hemm saċerdoti u sorijiet li jmexxu orfanatrofji, djar għall-anzjani jew xelters għall-ommijiet li jieħdu ħsieb lil uliedhom waħedhom, peress li l-irġiel tħallew warajhom biex jipproteġu djarhom. L-għajnuna qed tkun mibgħuta lill-isqfijiet rispettivi. Dawn, wara li jevalwaw il-prioritajiet fuq il-post, huma jqassmu din l-għajnuna skont il-ħtiġijiet u l-kapaċità tal-istrutturi attwali tal-knisja.

Għalkemm hemm mijiet ta’ eluf ta’ refuġjati li qegħdin jaħarbu mill-Ukrajna, in-numru ta’ nies li kellhom jibqgħu fi djarhom fejn kienu qed jgħixu, jew ta’ dawk li qed isibu kenn fil-kantini tal-knejjes u istituzzjonijiet oħra, jew ta’ dawk li huma spostati internament, hu ferm akbar. Hekk kif is-sistemi kollha qed jiġġarfu jew qed jinqerdu, is-saċerdoti u s-sorijiet qegħdin ikunu huma li jipprovdu kenn, kif ukoll appoġġ materjali u spiritwali.

Fil-jiem li ġejjin, l-ACN se tkun qed tapprova l-għajnuna li għandha lid-djoċesijiet fil-punent tal-Ukrajna. Dawn il-proġetti bħalissa qed ikunu evalwati.

B’kollox, aktar minn 6,200 saċerdot u soru f’27 djoċesi differenti mistennija jkunu mgħejjuna permezz tal-proġetti kollha li l-ACN approvat għall-Ukrajna, jew li bħalissa jinsabu għall-approvazzjoni. Ir-rapport jgħid li dawn is-saċerdoti u sorijiet se jkunu huma li jqassmu din l-għajnuna fost dawk li l-aktar għandhom bżonnha fil-komunitajiet rispettivi tagħhom.

L-ACN, u l-benefatturi tagħha, iridu jassiguraw li l-knisja Kattolika tkun tista’ tgħin lis-saċerdoti u s-sorijiet sabiex dawn jappoġġjaw lill-komunitajiet rispettivi tagħhom. L-ACN qed tgħin biex is-saċerdoti u s-sorijiet, bil-preżenza tagħhom fil-parroċċi, ikomplu jgħinu lir-refuġjati, u fl-orfanatrofji u fid-djar tal-anzjani. Dawn tal-aħħar, speċjalment, qed jiffaċċjaw sfida kbira doppja għas-sopravivenza tagħhom peress li saħħithom tillimita l-movimenti tagħhom kif ukoll l-abbiltajiet biex jieħdu ħsiebhom infushom.

Filwaqt li hemm taħdidiet għal waqfien mill-ġlied, ir-rapport jikkonkludi li l-ACN hi konxja li l-akbar ħtieġa fl-Ukrajna se tkun fil-futur qrib, meta l-ġlied jonqos u tibda r-rikostruzzjoni tal-bini u tal-ħajja tan-nies.

Aktar tagħrif jista’ jinkiseb mingħand l-ACN (Malta) fuq www.acnmalta.org/donate, billi ċċempel 2148 7818, jew permezz ta’ email: [email protected]

Sport