Sunday, November 3, 2024

L-ADOZZJONIJIET U N-NUQQAS TAT-TWELID F’MALTA

Aqra wkoll

Ix-xewqa ta’ kull ġenitur hi li jkollu l-ulied. Sfortunatament iżda din ix-xewqa mhux kulħadd jista’ jaqtagħha b’mod naturali billi għal raġuni jew oħra, in-natura ma tippermettilhomx li jkollhom ulied bi proċess naturali. Għal dawn in-nies, waħda mis-soluzzjonijiet li tista’ taqtgħalhom xewqithom hi l-adozzjoni, sew lokali kif ukoll ta’ tfal minn barra l-pajjiż.

Bħalissa l-Parlament qed jiddiskuti wkoll emendi fil-liġi tal-IVF bil-għan li dawk li ma jistax ikollhom tfal b’mod naturali jingħataw l-opportunità li qed toffri x-xjenza medika u b’hekk ikunu jistgħu jsiru ġenituri huma wkoll. 

Wieħed ma jistax ma jfaħħarx il-kuraġġ ta’ dawn in-nies billi d-deċiżjoni li tadotta mhijiex waħda faċli, mhux biss, imma wkoll tinvolvi spejjeż kbar ta’ flus iktar u iktar jekk l-adozzjoni se ssir minn pajjiżi ferm ‘il bogħod. L-istess tifħir għandu jmur ukoll għal dawk li jagħżlu l-proċess tal-IVF. 

Fir-rigward tal-adozzjonijiet, sar magħruf li bejn l-2017 u l-2022 saru disa’ adozzjonijiet ta’ tfal Maltin u 162 adozzjoni ta’ tfal minn barra l-pajjż. Dan filwaqt li hemm 117 ġenituri li qed jistennew li jinstabu dawk it-tfal sabiex ikunu jistgħu jrabbuhom. Minbarra dawn, hemm 45 oħrajn li filwaqt li nstabulhom tfal, dawn qed jistennew id-digriet tal-Qorti biex kollox ikun sar b’mod uffiċjali u skont il-liġi. Nistennew għalhekk li dawn il-proċessi fil-Qrati ma jiħdux tul ta’ żmien eżaġerat li jwassal għal inċertezza fost il-ġenituri prospettivi. 

F’dan il-kuntest, minbarra li l-adozzjonijiet iġibu ferħ lill-ġenituri prospettivi, dawn jistgħu wkoll jimlew anke jekk bi ftit il-vojt li jeżisti bħalissa meta Malta hija dikjarata bl-inqas rata ta’ fertilità fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Tant hu hekk li mill-aħħar stħarriġ li sar għal din is-sena mis-Servizz ta’ Riċerka tal-Parlament Ewropew irriżulta li n-nisa Maltin ikollhom bejn 1.20 u 1.35 ulied tul ħajjithom. Dan b’kuntrast meta l-popolazzjoni ta’ pajjiżna qiegħda dejjem tixjieħ.

F’dan is-sens l-adozzjonijiet jistgħu jgħinu għan-nuqqas tat-twelid lokali. Għalhekk kien tajjeb li l-Gvern ftit snin ilu imbarka fuq skema ta’ għajnuna lil dawk il-ġenituri li jiddeċiedu li jadottaw sew lokalment u sew minn barra l-pajjiż. Miżuri bħal dawn juru li anke f’qasam sensittiv, il-Gvern mhux qed jagħlaq għajnejh anzi qed juri aktar kompassjoni ma’ dawn in-nies ukoll. 

Sport