ADPD qal li dan il-Budget seta’ jagħmel użu aħjar mir-riżorsi limitati ta’ pajjiżna. Il-benefiċċju ta’ COLA addizzjonali mħabbar fil-Budget huwa mod ta’ kif traqqa’ l-pannu bil-qara aħmar meta diġà jeżisti mekkaniżmu li jista’ jkun aġġornat biex jirrifletti il-ħtiġijiet ta’ kulħadd inkluż min hu dipendenti minn servizzi soċjali, għaliex il-morsa tal-għoli tal-ħajja ilha tinħass minn kulħadd.
Il-ħtieġa ta’ COLA addizzjonali jikkonferma li dan il-mekkaniżmu għandu bżonn jiġi aġġornat biex jirrifletti l-ħtiġijiet tal-lum u li l-mekkaniżmu preżenti huwa difettuż bil-kbir. Għall-ewwel darba l-Ministru tal-Finanzi qiegħed jikkonferma li aktar minn 80,000 ruħ qegħdin jgħixu fil-faqar.
Għalkemm ir-realtajiet ġeo-politiċi li għaddejjin minnhom ma jista’ jmerihom ħadd, fil-Budget wieħed kien jistenna li jkun hemm aktar miżuri mmirati li jġibu tibdiliet permanenti għat-tul biex jkun hemm titjib fil-kwalità tal-ħajja ta’ kulħadd.
L-ADPD ikkritika l-mekkaniżmu tal-COLA u qal li effettivament dan joffri kumpens b’lura għall-impatt tal-inflazzjoni fuq il-pagi u l-pensjonijiet. Meta għandek rata ta’ inflazzjoni sostanzjali jfisser li żieda għall-għoli tal-ħajja ta’ darba fis-sena mhux sodisfaċenti imma għandha tinqasam fi tnejn – f’Lulju u f’Jannar.
Barra minn hekk min iħaddem m’għandux biss jirċievi l-għajnunijiet diretti mill-Gvern imma għandu wkoll ikun lest li jgħin biex l-impjegati jkollhom livell ta’ għajxien li jixraqilhom.
Għall-kwalità ta’ ħajja aħjar għal kulħadd hemm bżonn li jkun hemm użu iktar għaqli tar-riżorsi limitati li għandu pajjiżna. ADPD jidhirlu li dan il-Budget seta’ jkun immirat aktar biex jieħu l-ewwel passi għal titjib fil-livell ta’ għajxien ta’ kulħadd b’mod permanenti.