Sunday, April 14, 2024

L-ADPD jisħaq li l-kwalità tal-ħajja ma titkejjilx b’kemm flus ikollok il-bank

Aqra wkoll

“X’jiswa li l-Gvern jibqa’ għaddej b’ħafna retorika dwar investiment fi spazji miftuħa jekk il-ftit li baqa’ qed iħallihom jingħataw għall-bini?” Dan qalu waqt konferenza stampa f’Santa Luċija dalgħodu Carmel Cacopardo, Chairperson ta’ ADPD – the Green Party huwa u jitkellem dwar il-ħtieġa tal-ispazji miftuħa bħala element essenzjali għal kwalità tal-ħajja aħjar.

Id-Deputat Chairperson ta’ ADPD – The Green Party Sandra Gauci qalet li l-ispazji miftuħa kulma jmur f’Malta qegħdin dejjem jonqsu filwaqt li jkomplu jiggwadanjaw il-ftit. Hija qalet li l-kwalità tal-ħajja ma tiġix ikkalkulata b’kemm ikollok flus il-bank imma kemm tgħix fil-paċi u għandek ħin għall-familja.

Hija qalet li minħabba l-iżvilupp il-lokalità ta’ Santa Luċija tinsab mhedda mhux biss b‘bini għoli li se jkerrah u jistona mal-bini tal-madwar iżda wkoll bini ta ċentru ċiviku u xogħol ta’ landscaping li se jnaqqar aktar il-karatteristici ta’ dan ir-raħal kif ukoll il-kwalità tal-ħajja tiegħu. 

“Biża’ li tispiċċa fid-dlam meta tittawwal mit-tieqa u tara ħajt ma’ wiċċek, apparti t-trabijiet mill-iskavar u t-theżżiz li jipperikola l-bini eżistenti huma theddidiet reali li b’naqra ħsieb jistgħu jiġu evitati”, temmet tgħid Gauci.

Iċ-Chairperson tal-ADPD – The Green Party Carmel Cacopardo qal li waħda mit-tagħlimiet mill-pandemija tal-Covid-19 kien kemm in-nuqqas ta’ spazji miftuħa ħalla impatt fuq is-saħħa mentali ta’ dawk li spiċċaw magħluqin bejn l-erba’ ħitan ta’ djarhom.

Il-lokalità ta’ Santa Luċija kienet ġiet ippjanata b’tali mod u manjiera li tħallew ħafna spazji miftuħa għat-tgawdija tar-residenti. Madanakollu l-proġett propost f’Santa Luċija permezz tal-applikazzjoni numru PA5152/22 proprju jieħu spazju miftuħ ta’ 1,273 metru kwadru u jiżviluppah fi kważi 50 residenzi u 75 garaxxijiet fuq ħames sulari. Dan se jkun ta’ theddida għal karattru uniku ta’ din il-lokalità u jbiddel il-fiżjonomija tagħha b’bini li huwa żewġ jew tliet sulari ogħla minn dak tal-madwar. Qal ukoll li dan l-ispazju kien parti mid-disinn oriġinali tal-lokalità, intiż bħala spazju miftuħ biex joffri pulmun essenzjali lill-komunità. Mingħajru il-kwalità tal-ħajja tar-residenti tieħu daqqa ‘l isfel.

“Filwaqt li l-Ministru tal-Ambjent qiegħda tisħaq fuq il-ħtieġa ta’ spazji miftuħa, għandek l-Awtorità tal-Ippjanar li ripetutament tkompli tapprova li spazji miftuħa eżistenti jiġu żviluppati b’mod mill-aktar intensiv bħalma hija din ta’ Santa Luċija. Għal darba oħra il-kwalità tal-ħajja tar-residenti qegħda tiġi mhedda minn min għax għandu l-flus jiflaħ iħawwel”, temm Cacopardo.

Ekonomija

Sport