L-Afganistan u l-Pakistan qablu fuq waqfien immedjat mill-ġlied waqt taħditiet f’Doha wara ġimgħa ta’ ġlied qalil fil-fruntiera — l-agħar vjolenza bejn iż-żewġ pajjiżi minn meta t-Taliban ħadu l-poter f’Kabul fl-2021.
Dan il-waqfien mill-ġlied “ġie finalizzat”, kiteb il-Ministru tad-Difiża tal-Pakistan Khawaja Muhammad Asif fuq il-pjattaforma X. Dan filwaqt li qal li ż-żewġ naħat se jerġgħu jiltaqgħu fis-25 ta’ Ottubru f’Istanbul biex jiddiskutu ċertu kwistjonijiet aktar fid-dettall.
Il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tal-Qatar, li kien medjatur fit-taħditiet flimkien mat-Turkija, qal li l-laqgħat sussegwenti huma maħsuba “biex jiġi żgurat it-tisħiħ tal-waqfien mill-ġlied u tiġi vverifikata l-implimentazzjoni tiegħu b’mod affidabbli u sostenibbli.”