L-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija fetħu proċeduri quddiem il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili biex jikkontestaw sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Appell Kriminali marbuta ma’ serqa li kienet seħħet mill-Knisja ta’ Santu Wistin fir-Rabat, Għawdex.
Huma qegħdin jgħidu li l-Qorti tal-Appell Kriminali interpretat b’mod żbaljat il-liġi meta ddeċidiet li ma tilqax l-appell tagħhom għaliex allegatament kien ippreżentat barra miż-żmien.
Fl-appell, il-Kummissarju tal-Pulizija spjega li Salvatore Licciardello kien tressaq quddiem il-Qorti tal-Maġistrati fit-23 ta’ Lulju 2007, akkużat li seraq ġojjellerija u ornamenti sagri minn pittura tal-Madonna fil-Knisja ta’ San Wistin f’Victoria.
Is-serqa kienet aggravata minħabba l-post, il-mezzi u l-valur tal-oġġetti, u kien mixli wkoll li kkawża ħsara lil wirt kulturali. Madankollu, fl-14 ta’ Jannar 2019, Licciardello ġie illiberat mill-akkużi kollha.
L-għada tas-sentenza, il-Kummissarju tal-Pulizija innota formalment lill-Qorti bl-intenzjoni li jappella.
L-Avukat Ġenerali rċieva l-atti tal-kawża fis-17 ta’ Jannar 2019 u l-appell ġie ppreżentat fl-4 ta’ Frar 2019, bit-talba li s-sentenza tal-ewwel istanza tiġi annullata u li l-imputat jiġi kkundannat skont il-liġi. Madankollu, permezz tal-avukat tiegħu, Licciardello sostna li l-appell tal-Avukat Ġenerali kien null peress li ġie ppreżentat barra mit-terminu legali.
Din l-eċċezzjoni ġiet milqugħa mill-Qorti tal-Appell Kriminali, li ddikjarat l-appell bħala preskritt u astjeniet milli tidħol fil-mertu tal-każ. Il-Kummissarju tal-Pulizija qed isostni li din id-deċiżjoni hija vvizzjata b’interpretazzjoni ħażina tal-liġi, li skontu ħolqot illegalità serja li ma tistax tiġi rranġata.
Għalhekk, il-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali qed jitolbu lill-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili teżerċita s-setgħat residwi tagħha, tiddikjara s-sentenza tal-Qorti tal-Appell Kriminali bħala nulla u bla effett, u tordna li jsir smigħ ġdid quddiem l-istess Qorti tal-Appell Kriminali.

