Tuesday, December 24, 2024

L-aġenzija DBRS tikkonferma r-rating ta’ Malta bħala A Għolja stabbli

Aqra wkoll

Għal darb’oħra l-aġenzija tal-Kreditu DBRS Morningstar ikkonfermat l-ogħla klassifikazzjoni li kienet tat lill-ekonomija ta’ pajjiżna bħala A Għolja. Huma qalu wkoll li jidher ċar li hemm tendenza stabli.

L-aġenzija qalet li din il-klassifikazzjoni hija msejsa fuq il-livell moderat ta’ dejn pubbliku li għandu l-pajjiż kif ukoll mill-pożizzjoni esterna soda tal-pajjiż u mill-pożizzjoni b’saħħitha tal-familji Maltin.

DBRS qalet li Malta rnexxielha titneħħa fi żmien qasir ħafna minn fuq il-lista l-griża tal-FATA, kif ukoll saret u qed issir ħida kbira biex il-pajjiż isaħħaħ l-istrutturi kontra l-ħasil tal-flus l-finanzjament tat-terroriżmu.

Ġie nnutat ukoll li wara d-daqqa kbira li ħadet l-ekonomija fl-2020 minħabba l-pandemija tal-COVID-19, l-ekonomija Maltija rkuprat fi ftit żmien. Ġie spjegat ukoll li dan sar posibbli bl-għajnuna tal-miżuri li daħħal il-Gvern biex jgħin lill-ekonomija kif ukoll bl-irkupru tat-turiżmu li kien akbar milli antiċipat.

Fl-istess stqarrija DBRS Morningstar qalet li l-impatt tal-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukranja fuq l-ekonomija Maltija kien wieħed modest. Dan seħħ minħabba li r-rabtiet bejn pajjiżna u r-Russja fil-qasam tal-enerġija u fl-ekonomija huma limitati, kif ukoll għad-deċiżjoni tal-Gvern li jiffriża l-prezzijiet bl-imnut, tad-dawl u tal-fjuwil.

B’reazzjoni għal dan ir-rapport, il-Prim Ministru Robert Abela qal li kif waqt li l-ekonomiji oħrajn fl-Ewropea u madwar id-dinja għandhom riskji li jidħlu f’riċessjoni l-aktar minħabba ż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija, il-miżuri li daħħal il-Gvern Malti li jibqa’ jgħin lill-familji Maltin qed iħallu r-riżultati. Qal li l-Gvern se jkompli jaħdem biex jagħmel differenza fil-ħajja tal-poplu.

Ekonomija

Sport