Thursday, April 17, 2025

L-Aġenzija dwar is-Suq tal-Proprjetà f’diskussjoni mal-intermedjarji dwar aktar tisħiħ fis-settur

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard indirizza seminar għal intermedjarji fis-Suq tal-Propjetà organizzat mill-Aġenzija dwar is-Suq tal-Propjetà, fejn kienet diskussa l-kollaborazzjoni bejn l-istakeholders fis-settur rigward il-pass li jmiss, dak li jkun imfassal kodiċi ta’ etika u ta’ prattika għal standards ogħla.

Il-Ministru Jonathan Attard beda biex jenfasizza li s-settur jinsab fi stadju kruċjali ta’ transizzjoni u rrefera għal fatt li l-entitajiet regolatorji qed jieħdu approċċ ibbażat fuq djalogu u kollaborazzjoni aktar b’saħħitha mal-operaturi u l-professjonisti fis-suq. Innota li l-parteċipazzjoni b’saħħitha tal-istess operaturi u professjonisti fis-settur jawgura tajjeb mhux biss biex jitkompla l-proċess riformattiv iżda wkoll biex iċ-ċittadini jkollhom aktar serħan il-moħħ.

“Huwa kruċjali li d-djalogu jkun wieħed imsejjes fuq ir-rispett u r-rikonoxximent tar-rwoli rispettivi tagħna. Irridu naħdmu flimkien mhux biss biex nirregolaw, iżda biex noħolqu kultura ġdida f’dan is-settur; waħda ibbażata fuq il-fiduċja, etika u standards għoljin,” qal il-ministru.

Il-ministru fakkar ukoll li r-riformi li qed jitwettqu mhumiex proġetti mfassla minn individwi, iżda frott ta’ konsultazzjoni estensiva mal-operaturi u professjonisti fis-settur.

Huwa faħħar ix-xogħol tal-Aġenzija u ta’ dawk kollha li qed jagħtu sehemhom sabiex l-istess Aġenzija tkun effettiva fit-twettiq tal-funzjoni regolatorja tagħha.

“Irridu nifhmu li s-suq tal-proprjetà mhuwiex biss dwar numri u bejgħ – imma dwar id-deċiżjonijiet finanzjarji l-aktar kruċjali fil-ħajja tan-nies. F’mumenti ta’ bidla u sfidi, huwa essenzjali li naħdmu b’kooperazzjoni, b’rispett u b’kollaborazzjoni. Flimkien, nistgħu noħolqu ambjent fejn il-konsumaturi jħossu li għandhom fiduċja fil-proċess, fejn l-investituri jsibu opportunitajiet ġodda, u fejn il-professjonisti tal-proprjetà jistgħu jaħdmu b’ċertezza u b’kuxjenza”, appella l-Ministru Jonathan Attard.

Min-naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Joe Deguara qal li din l-attività kienet waħda minn sensiela li se jkunu qegħdin isaħħu l-ħidma biex flimkien ma’ aġenziji u entitajiet oħra kemm tal-gvern u dawk li mhumiex, iwasslu lejn suq tal-proprjetà aktar trasparenti, robust u sostenibbli.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni l-Perit Roderick Bonnici ta spjega dwar l-Energy Performance Certificate (EPCs), l-obbligi ta’ Malta rigward l-enerġija u anke studji oħra li għadhom qegħdin isiru fis-settur li jinkludu fost l-oħrajn il-building passport. Dan huwa dokument li jiddefinixxi l-binja u d-dokumentazzjoni kollha relatata ma’ dik il-proprjetà.

“Proprju għal dan il-għan, fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin se nkunu qegħdin inħabbru skemi b’miri li nkomplu noħolqu kuxjenza pubblika dwar il-benefiċċji ta’ bini effiċjenti fl-enerġija, bħal tnaqqis fil-konsum tal-enerġija u ffrankar tal-ispejjeż fit-tul,” temm jgħid il-Perit Bonnici.


Min-naħa tiegħu l-analista Dario Cacopardo ta preżentazzjoni fejn spjega dwar kif bħala parti mill-eżerċizzju sabiex tfassal kodiċi li jirregola l-imġiba ta’ min huwa liċenzjat, l-aġenzija analizzat b’mod kwalitattiv mudelli stabbiliti f’pajjiżi oħra.

F’dan is-Seminar saret ukoll diskussjoni bil-parteċipazzjoni ta’ Sandro Chetcuti, Chairman tal-Malta Development Association (MDA), Michael Stivala, President tal-MDA, Michael Bonello, Kap tas-sezzjoni tal-Aġenti tal-Proprjetà fi ħdan l-MDA, il-Perit Mark Arrigo f’isem il-Kamra tal-Periti u l-Arkitett Noel Ellul f’isem il-BCA.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport