Wara ġimgħat ta’ taħriġ intensiv, 24 persuna għamlu dik li hi magħrufa bħala l-Passing Out Parade biex issa bdew karriera ġdida bħala Uffiċjali Korettivi fi ħdan l-Aġenzija għas-Servizzi Korettivi. Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri awgura lil dawn l-uffiċjali filwaqt li saħaq l-importanza li x-xogħol tagħhom ikun mibni fuq id-dixxiplina u r-rispett.
F’messaġġ lil dawn ir-rekluti, il-Ministru Camilleri enfasizza wkoll ir-responsabbiltà li ġġib magħha din il-karriera. Hu qal li l-uffiċjali korrettivi “qed iġorru mhux biss ir-responsabbiltà ta’ għemilhom, imma r-responsabbiltà ta’ istituzzjoni sħiħa.” Kien hawn li saħaq li s-suċċess f’din il-karriera għandu jkun mibni fuq id-dixxiplina u r-rispett u spjega l-importanza tal-aspett riabilitattiv tas-sistema korrettiva. Sostna li l-ordni fil-faċilità hija importanti ħafna, iżda fuqha trid tinbena ħidma biex ir-residenti tal-faċilità li jkunu qed jiskontaw is-sentenza tagħhom jerġgħu jintegraw fis-soċjetà u ma joħolqux vittmi ġodda.
Huwa assigura lir-rekluti li l-Gvern se jibqa’ jappoġġjahom bħala ħaddiema tul il-karriera tagħhom. “Aħna bħala gvern se nkunu magħkom. Ninvestu fikom u ngħinukom,” qal il-Ministru, filwaqt li semma titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol, pagi aħjar u aktar opportunitajiet ta’ żvilupp professjonali li ngħataw lill-ħaddiema tal-aġenzija għas-Servizzi Korettivi fl-aħħar snin. Fakkar ukoll fl-investiment fir-riżorsi u fil-faċilità.
Filwaqt li tfisser bidu ta’ karriera ġdida, il-Passing Out Parade tasal ukoll fi tmiem ta’ proċess twil u rigoruż ta’ reklutaġġ li inkluda diversi stadji. Il-grupp ta’ 24, jinkludi 19-il raġel u 5 nisa li ġew magħżula wara li wrew l-ogħla livell ta’ adattabilità għar-responsabbiltajiet marbuta ma’ din il-kariga. Matul il-kors tat-taħriġ, ir-rekluti ġew esposti għal diversi oqsma biex jiġi żgurat li jiksbu l-ħiliet meħtieġa jeżerċitaw id-dixxiplina u jikkontribwixxu b’mod sħiħ fil-proċess riabilitattiv. Il-kurrikulu, ibbażat fuq approċċ olistiku, kopra s-sistemi tas-servizzi korrettivi, ir-rwol tal-uffiċjal korrettiv, aspetti tal-psikoloġija u taħriġ fiżiku, fost oħrajn.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi Christopher Siegersma rrimarka li l-parata tal-għeluq tat-taħriġ mhijiex sempliċiment konklużjoni ċerimonjali, iżda l-bidu ta’ responsabbiltà professjonali u ta’ impenn lejn vokazzjoni esiġenti, kumplessa u profondament umana.

