Thursday, December 26, 2024

L-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati b’ħidma biex ittejjeb il-livell ta’ żamma tal-esebiti

Aqra wkoll

B’reazzjoni għal rapporti relatati mal-esebiti tal-Qorti, il-Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni tenna li fiż-żewġ każijiet, l-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati ħadet il-passi neċessarji u qed tikkopera bis-sħiħ mal-Qorti u mal-Pulizija.

Il-Ministeru, kif diġà ħabbar il-Ministru Jonathan Attard fil-Parlament, fis-26 ta’ Frar ħatar ukoll bord amministrattiv biex jwettaq reviżjoni dwar il-kustodja ta’ oġġetti li jkunu ġew esebiti fi proċeduri legali u jagħmel l-eżaminazzjoni kollha meħtieġa.

Dan il-bord huwa mmexxi mill-Imħallef Emeritus Antonio Mizzi, bl-assistenza tas-Sur Joseph Bonello u Sur Paul Debattista bħala membri, is-Sur Valerio Schembri bħala espert u s-Sur Frank Camilleri bħala segretarju.

Il-Bord Amministrattiv għandu terminu ta’ xahrejn, bil-possibbilità ta’ estensjoni waħda ta’ xahar biex jippreżenta r-rapport, li għandu jinkludi rakkomandazzjonijiet ta’ kif għandhom ikomplu jissaħħu l-proċeduri għaż-żamma tal-esebiti b’mod sikur u affidabbli għal sistema ta’ amministrazzjoni tal-ġustizzja effiċjenti u ġusta. 

Sadanitant, fl-aħħar xhur l-Aġenzija kienet diġà bdiet ix-xogħol biex itejjeb il-livell ta’ żamma tal-esebiti u fl-aħħar xhur kien hemm negozjati biex ikun introdott il-labelling tal-esebiti b’sistema ta’ RFID.

Il-Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni jibqa’ impenjat, li jsostni l-investiment u jirriforma s-sistemi u l-proċeduri biex ikunu effettivi u aġġornati maż-żminijiet.

Ekonomija

Sport