L-Aġenzija għal-Ikel f’Malta wettqet sensiela ta’ investimenti strateġiċi bil-għan li ssaħħaħ l-operat tagħha, l-infrastruttura u s-servizzi fil-qasam agroalimentari.
Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo ta ħarsa lejn l-investiment li sar f’dan ir-rigward meta kien qed iwieġeb mistoqsija parlamentari tad-Deputata Nazzjonalista Graziella Galea.
Il-Ministru Refalo spjega li bħala parti mill-Inizjattivi ta’ Trasformazzjoni Diġitali, l-Aġenzija investiet fl-implimentazzjoni ta’ sistemi diġitali biex ittejjeb l-effiċjenza operattiva, b’mod partikolari s-sistema ewlenija tal-Pitkalija, permezz ta’ ilbidwi.gov.mt, ixxerrej.gov.mt u t-tnedija ta’ pjattaforma diġitali għall-ġestjoni tal-iskart tal-ikel (tarmix.gov.mt), fost oħrajn.
Barra minn hekk, ġew akkwistati kompjuters, softwer u tagħmir periferali biex tissaħħaħ l-integrazzjoni diġitali. Dan l-isforz ta’ diġitalizzazzjoni ammonta għal €153,787.
Il-Ministru Refalo żied jgħid li fl-istabbiliment ta’ faċilità għall-iskjerar tal-patata, u f’kollaborazzjoni mal-FCCS, inbena bini ddedikat biex jintuża għas-separazzjoni, l-iskjerar u l-ippakkjar tal-patata, bl-għan li tittejjeb il-kategorizzazzjoni, il-kwalità u t-tħejjija tal-prodott. Dan il-proġett kien jammonta għall-investiment ta’ €137,177.
Sar investiment ukoll qawwi fit-titjib tal-infrastruttura u tal-binjiet tal-Pitkalija li inkludew titjib ġenerali fil-binjiet eżistenti, fis-sheds u f’bini ieħor sabiex il-faċilitajiet jilħqu standards moderni u jkunu jistgħu jservu b’mod aħjar l-operat kif ukoll l-aspetti amministrattivi. Din il-parti tal-investiment kienet tirrikjedi €695,538.
Biex jiġu appoġġjati l-loġistika u t-tkomplija tal-operat, l-Aġenzija investiet ukoll fix-xiri tal-Kaxxi tal-Pitkalija, b’investiment ta’ €148,126, kif ukoll titjib tad-Depot għall-ħasil tal-kaxxi b’investiment ta’ €82,619.
Barra minn hekk, l-Aġenzija investiet fis-sistemi tas-sorveljanza, kontroll tal-aċċess u ġestjoni tas-saħħa u s-sigurtà b’nefqa ta’ €26,914.
Fl-aħħar nett, il-Ministru Refalo fakkar kif inħoloq ħanut għall-Bejgħ ta’ Prodotti Lokali fil-binjiet tal-Aġenzija sabiex tiżdied l-aċċessibilità u l-viżibilità tal-prodotti agrikoli Maltin għall-konsumaturi. Dan l-iżvilupp kien appoġġjat b’investiment ta’ €35,390.
“B’mod ġenerali, dawn l-inizjattivi jirriflettu investiment komprensiv lejn il-modernizzazzjoni u l-bini, trasformazzjoni diġitali u kapaċitajiet operattivi, b’total ta’ investiment li jammonta għal €1,279,551,” temm jgħid il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali.