Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici nieda uffiċjalment il-programm tal-Aġenzija Nazzjonali għall-Arti Performattiva (NAPA) għall-istaġun 2025/26 tat-tliet kumpaniji nazzjonali tal-arti performattiva ta’ Malta — KorMalta, Teatru Malta u ŻfinMalta.
“Imwaqqfa fl-2023, NAPA hija l-istituzzjoni ċentrali ta’ Malta għall-iżvilupp u l-promozzjoni tal-arti performattiva. L-aġenzija tmexxi u tappoġġja t-tliet kumpaniji nazzjonali, u tassigura li kull waħda żżomm l-identità artistika tagħha, filwaqt li tħeġġeġ l-innovazzjoni u l-kollaborazzjoni interdixxiplinarja. Dan l-istaġun il-ġdid jirrappreżenta pass sinifikanti fil-vjaġġ kulturali tagħna, li jsaħħaħ l-espressjoni kreattiva u jagħti lil Malta viżjoni ċara biex tkompli tispikka fuq livell nazzjonali u internazzjonali,” stqarr il-Ministru Bonnici.
Dominic Galea, Kap Eżekuttiv ta’ NAPA, qal, “Il-missjoni ta’ NAPA hi li nsaħħu l-kollaborazzjoni bejn l-entitajiet nazzjonali u dan l-istaġun jirrifletti s-sinerġija, il-viżjoni u t-talent tal-komunità artistika tagħna. Dan kollu ma kienx ikun possibbli mingħajr id-dedikazzjoni tal-ħaddiema tal-Aġenzija, imsieħba u kollaboraturi. Inħarsu ’l quddiem sabiex niftħu l-bibien tagħna lill-pubbliku u nuru l-qalba tax-xena tal-arti performattiva ta’ Malta.”
L-istaġun jinkludi programmi ta’ mużika, teatru u żfin kontemporanju b’25 rappreżentazzjoni f’Malta u fl-Ewropa. Dan filwaqt li Teatru Malta qed jipprepara għall-10 anniversarju tiegħu, b’avvenimenti fuq skala nazzjonali u internazzjonali li jinkludu showcase ta’ tliet rappreżentazzjonijiet minn pajjiżi Ewropej. Teatru Malta se jkun qed iniedi wkoll proġett internazzjonali fil-bidu tas-sena d-dieħla, li se jagħti pjattaforma lis-settur kulturali f’pajjiżna. Qed isir ukoll investiment f’opportunitajiet ta’ impjieg fis-settur, b’dan l-istaġun ikun l-ewwel wieħed li fih kull kumpanija nazzjonali se jkollha artisti professjonali fuq bażi full-time.
Matul il-jum tas-Sibt, 27 ta’ Settembru 2025, fil-binja ta’ NAPA li tinsab fi ħdan l-MCAST f’Raħal Ġdid, se jittella’ programm għall-pubbliku li jinkludi: workshops interattivi bla ħlas, wirjiet mit-tliet kumpaniji nazzjonali tal-arti performattiva ta’ Malta, kif ukoll laqgħat u diskussjonijiet mal-artisti u kreattivi. Id-dħul huwa b’xejn u huwa miftuħ għal kulħadd. Għal aktar dettalji u reġistrazzjoni żur: napa.mt/napa-productions/napa-launch