Tuesday, December 24, 2024

L-Aġenzija Sedqa tiċċelebra t-30 sena anniversarju mit-twaqqif tagħha

Aqra wkoll

L-Aġenzija Sedqa ċċelebrat it-30 sena anniversarju mit-twaqqif tagħha, perjodu li matulu segwew snin ta’ servizzi, suċċessi u eċċellenza, b’ħidma kontinwa mogħtija minn professjonisti soċjali, illi dejjem iddur mal-bżonnijiet tal-klijenti.      

Din l-okkażjoni ġiet iċċelebrata t-Tnejn filgħaxija, f’Komunità Santa Marija, fejn kien hemm ukoll ċerimonja ta’ gradwazzjoni ta’ persuni li temmew b’suċċess programm ta’ rijabilitazzjoni. Dan filwaqt li tqassmu numru ta’ ċertifikati lit-tmexxija ta’ postijiet tax-xogħol illi ħadu sehem fil-programm SAFE (Skills for Addiction Free Employment). Dan il-programm ilu jsir għal dawn l-aħħar 25 sena iżda illum infirex aktar sabiex jilħaq aktar nies.

Ippreċediet din l-attività l-President Myriam Spiteri Debono, fejn tkellmet dwar il-bżonn li s-soċjetà tagħraf tagħder u tgħin persuni li jkunu għaddejja minn żminijiet diffiċli. “Min jogħtor irridu nerġgħu noħorġulu jdejna mingħajr limitu, biex jerġa’ jqum fuq saqajh,” appellat il-President Spiteri Debono.

Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon ferraħ lil dawk il-persuni li temmew b’suċċess programm ta’ rijabilitazzjoni. “Stejjer ta’ suċċess bħal dawn jgħinu persuni oħra biex jagħmlu kuraġġ u jersqu ’l quddiem għal dan il-programm. Kommessi li nkomplu nsaħħu r-riżorsi, kemm fuq livell operattiv u anke fejn jidħlu riżorsi umani,” temm jgħid il-Ministru Falzon.

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS Alfred Grixti sostna li s-suċċess mhuwiex dawk biss li jtemmu r-rijabilitazzjoni b’suċċess, iżda dawk ukoll li jerġgħu jibdewh u jippruvaw sakemm jirnexxilhom.

Matul is-sena 2023, l-Aġenzija Sedqa ħadmet ma’ 3,220 każ ta’ dipendenza, u kellha madwar 3,900 sessjoni fl-iskejjel u postijiet tax-xogħol, dan filwaqt li kompliet tissaħħaħ il-viżibilità tal-Aġenzija fuq il-mezzi soċjali kollha.

Ekonomija

Sport