Friday, December 27, 2024

L-Aġenzija tal-Impjiegi diskussi f’laqgħa tal-MCESD

Aqra wkoll


Il-ħaddiema barranin, il-liġi dwar l-impjiegi, it-Temping Agencies u l-Public Private Partnerships kienu diskussi fit-tieni laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) għal din is-sena. F’din il-laqgħa, l-imsieħba soċjali taw ir-reazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tagħhom dwar is-suġġetti diskussi li huma ta’ prijorità.

L-ewwel parti tal-laqgħa ffukat fuq il-proċess aġġornat tal-ingaġġ ta’ ħaddiema barranin minn pajjiżi terzi, sabiex jiġi żgurat li l-kwalità u l-ħiliet tagħhom, jikkonformaw mal-ħtieġa ta’ pajjiżna. 

Biex tgħarraf lill-imsieħba soċjali dwar din il-ħtieġa nazzjonali, l-MCESD laqa’ lill-Kurunell Mark Mallia, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Identità, flimkien ma’ Dr Byron Camilleri, il-Ministru għall-Intern, Sigurtà, Riformi, u Ugwaljanza, Dr Andy Ellul, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali u s-Sinjura Diane Vella Muscat, id-Direttur Ġnerali tad-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg (DIER).

L-għan kien li l-imsieħba soċjali jiġu infurmati u aġġornati dwar il-proċeduri mġedda u rigorużi qabel ma jiġu aċċettati ħaddiema barranin, magħrufa bħala TCNs, biex isiru parti mill-ekonomija nazzjonali. 

Fil-preżentazzjoni li ta l-Kurunell Mark Mallia lill-Kunsill tal-MCESD, huwa tkellem dwar l-isforzi tal-Aġenzija biex tissimplifika l-proċess tal-applikazzjoni tal-permessi għall-ħaddiema barranin, bil-għan li jiġu attirati professjonisti ta’ kwalità għolja. 

Ġew enfasizzati l-isforzi kollaborattivi mal-Pulizija ta’ Malta li jagħmel due diligence dovuta għas-sigurtà nazzjonali u pubblika u ma’ Jobs Plus għall-kontroll u moniteraġġ fuq is-suq tax-xogħol. Ġw spjegati skill cards prospettivi għas-settur tal-ospitalità u qafas regolatorju aktar strett għall-ħaddiema barranin li jsuqu karozzi Y-plate.

Diane Vella Muscat, id-Direttur Ġnerali tad-DIER, ippreżentat informazzjoni dwar ir-regolamenti tal-Aġenziji tal-Impjieg (Temping Agencies). Dawn ir-regolamenti u l-istandards ta’ kwalità, li qabel kienu assenti, għandhom iġibu bidliet sinifikanti. 

Is-Sinjura Vella Muscat spjegat ir-raġunament wara dawn ir-regolamenti, lil hinn mid-direttivi tal-UE biex jiġi stabbilit pjan ħolistiku li jissalvagwardja l-impjiegi u l-aġenzija tat-temping. Il-leġiżlazzjoni tistandardizza u tirregola l-operazzjonijiet tal-aġenzija, u tiżgura prattiki ta’ reklutaġġ etiċi u approċċ ta’ tolleranza żero għall-isfruttament tal-ħaddiema. 

Bi standards u pieni rigorużi, l-għan ewlieni huwa li nipproteġu lill-ħaddiema, nsaħħu t-tlaqqigħ bejn dawk li qed ifittxu xogħol u postijiet vakanti, u nikkontribwixxu għal prosperità ekonomika sostenibbli. L-irwol tal-imsieħba soċjali huwa kruċjali kemm permezz tat-tixrid tal-informazzjoni lill-membri tagħhom u anke sabiex l-implimentazzjoni ta’ tali liġijiet ikunu iktar effettivi u ta’ kwalità, spjegat id-Direttur Ġnerali.

Meta għamlu rakkomandazzjonijiet għal titjib essenzjali biex jattiraw ħaddiema ta’ kwalità u ta’ talent biex jipparteċipaw fl-ekonomija nazzjonali, l-imsieħba soċjali mhux biss irrakkomandaw titjib meħtieġ, iżda rrikonoxxew ukoll l-irwol li għandhom kemm l-Aġenzija Identità kif ukoll id-DIER.

Fit-tieni parti tal-laqgħa, l-Awditur Ġnerali, is-Sur Charles Deguara, ġie milqugħ fl-MCESD. Wara studju intensiv tal-avvenimenti kemm f’pajjiżna kif ukoll barra, l-enfasi kienet fuq rakkomandazzjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ public-private partnerships, li jgħaqqdu l-investiment privat u l-assi tal-gvern biex joffru opportunitajiet għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali.

Id-diskussjoni kienet tinkludi analiżi ta’ prattiki tajba, oqsma għal titjib u lezzjonijiet meħuda minn prattiċi barra minn Malta. Ġew ifformulati rakkomandazzjonijiet għall-evalwazzjoni ta’opportunitajiet li joħorġu minn kollaborazzjonijiet bejn il-privat u l-gvern biex jiġi żgurat li l-flus tal-poplu jintużaw bl-aħjar mod possibbli għall-benefiċċju tas-soċjetà u l-ekonomija.

Ekonomija

Sport