Wednesday, December 18, 2024

L-aggressività Russa… sinjal ċar ta’ biża’ mid-demokrazija

Aqra wkoll

Fl-aħħar sigħat, seħħ dak li kien previst li se jsir. Rajna l-aggressività Russa fuq l-Ukrajna. Rajna l-attakki u l-avvanżi minn truppi Russi fl-Ukrajna. Pajjiż ġar tar-Russja u li għandha rabtiet kbar mal-istess Russja kemm kulturali u anke reliġjużi, tant hu hekk li r-Russi jirreferu għal Ukrajna bħala l-pajjiż tar-Russi ż-Żgħar.  

Nemmnu li r-raġuni li qed tingħata mir-Russja għal din l-aggressjoni qed tintuża biss bħala paraventu. Ilna snin twal nisimgħu s’sistema ta’ difiża bil-missili fl-Ewropa kontra theddida mill-lvant. Sistemi bil-missili li dwarhom saru għadd ta’ diskussjonijiet, anke meta l-Istati Uniti kellhom pjani simili. Wieħed jifhem li l-argument tar-Russja li l-Ukrajna tista’ tintuża bħala bażi għal missili tan-NATO, organizazzjoni li s-saħħa tagħha naqset fl-aħħar snin, hu biss argument li qed isir biex jippruvaw jiġġustifikaw l-aggressjoni.

Nemmnu li r-Russja  hi mħassba bil-kbir, mhux bid-diskussjonijiet tal-Ukrajna man-NATO imma minħabba li l-Ukrajna qed tkompli miexja fit-triq tad-demokrazija. Imħassba dan għax tibża, li dak li jseħħ fl-Ukrajna, jista’ faċilment jimxi lejn ir-Russja.  Storikament, dejjem rajna r-Russja magħluqa, anke meta fl-Ewropa seħħew rivoluzzjonijiet kbar, dawn damu ma waslu fir-Russja. 

Ir-Russja hi mħassba li l-mixja demokratika tal-Ukrajna jaf twassal biex jinħolqu movimenti ġodda fir-Russja. Movimenti ta’ reżistenza. Movimenti li jibdewjitkellmu fuq libertajiet ċivili. M’hemm ebda dubju li dan ir-Russja u l-amministrazzjoni tagħha taraha bħala li joħloq riskju.  Dan hu dak li mhux biss iċ-ċittadini Russi jitolbu aktar libertajiet, imma dawn it-talbiet jistgħu finalment iwasslu għall-waqgħa ta’ Vladimir Putin mill-poter. 

Nifhmu li r-Russja hi konxja li l-armata tal-Ukrajna mhix f’pożizzjoni u lanqas għandha mezzi biex iżżomm lill-armata Russa milli tagħmel l-invażjoni tal-Ukrajna.

M’għandna ebda dubju li l-komunità internazzjonali se tirreaġixxi għal dan. Se tkun qed tirreaġixxi għax għandek stat li qed ikun aggredit. Il-komunità internazzjonali b’mod partikolari l-Unjoni Ewropea se jkunu qed jirreaġixxu għal dan.

Il-mistoqsijiet li se jkunu qed isiru huma diversi, fosthom dik ta’ x’se tkun ir-reazzjoni. Sanzjonijiet? Se jinħallu mil-ftehim għax-xiri ta’ gass mar-Russja. Se jittieħdu miżuri fiskali?

Din hi aggressjoni li jekk ittul tista’ taffettwa ħażin il-provvisti ta’ qamħ fl-Ewropa bil-konsegwenzi li dan joħloq, u dan għaliex l-Ukrajna hi wieħed mill-akbar esportaturi tal-qamħ.  

Bis-sitwazzjoni waħda kaotika għall-aħħar, ir-Russja qed targumenta li l-Ukrajna kienet qiegħda tinnegozja man-NATO biex jew issir membru tiegħu jew inkella toffri bażi lill-istess NATO għall-missili fit-territorju tagħha. 

Din hi  skuża għax ilna għal dawn l-aħħar snin nisimgħu bi pjani biex ir-Russja  tieħu taħt idejha lill-Ukrajna. Dawn il-pjani għandhom għeruq fondi u dan għax il-bażi tal-Ukrajna għandha għeruq kulturali u reliġjuzi, li flimkien jiffurmaw l-identità Russa. Għar-Russi, l-Ukrajna hi deskritta bħala ‘l-pajjiż tar-Russi ż-żgħar”.

Dak li qed jiġri llum u li nbeda proprju fl-aħħar sigħat, mhux xi fenomenu ġdid. Wieħed irid iqis li dan il-pajjiż ġar tar-Russja kien l-akbar pajjiż f’dik li kienet l-Unjoni Sovjetika, wara ir-Russja. Fil-fatt ftit tas-snin ilu, ir-Russja kienet ħadet taħt idejha t-territorju magħruf bħala il-Krimea li kien territorju tal-Ukrajna.  Imma mhux biss, u dan għax l-istess Russja b’mod indirett kienet ħadet żona fil-lvant tal-Ukrajna magħrufa bħala Donbas.  Ir-Russja għamlet dan għax minn dejjem qieset li dawn iż-żewġ żoni kellhom il-popolazzjoni tagħhom magħmula minn nies Russi jew ta’ nisel Russu.

Wieħed ma jridx ineħħi minn quddiem għajnejh, il-fatt li għar-Russi l-Belt ta’ Kiev li hi l-belt tal-Ukrajna, hi dik il-belt li lilhom ittihom identità Ewropea.  Din il-belt antika kienet iċ-ċentru ta’ konfederazzjoni antika u din il-konfederazzjoni medjevali hi meqjusa bħala l-bażi tal-kulturi Russi u hi meqjusa bħala importanti wara l-firxa  tar- reliġjon Ortodossa. Għar-Russi l-belt ta’ Kiev tkun belt Russa u mhux il-belt kapitali ta’ pajjiż barrani u dan għax fiha huma jaraw l-identità Ewropea tagħhom.

M’għandniex dubji li r-rabtiet kulturali u ta’ identità ir-Russja u l-Ukrajna huma ir-raġunijiet għal din l-aggressjoni.  L-argument rigward ir-relazzjonijiet tal-Ukrajna man-NATO nemmnu li huma biss paraventu għar-raġunijiet veri li hemm wara l- aggressività Russa, aggressività li hi mnebbħa minn biża’ li l-Ukrajna tkompli miexja fit-triq għad-demokrazija u dan jista’ jwassal biex aktar ċittadini Russi jibdew movimenti simili f’din it-triq. 

Nemmnu li iva, it-triq li qabdet l-Ukrajna għal aktar demokrazija u għal aktar libertajiet ċivili, hi t-triq li għandha taqbad ukoll ir-Russja. Nemmnu li żmien l-imperjaliżmu ilu li għadda. Nemmnu li ċ-ċittadini Russi għandhom ukoll jitħallew jimxu f’din it-triq.

Ekonomija

Sport