Minn MELVIN FARRUGIA
Il-President tal-Kunsill Għoli tal-Istat Libjan, Khaled al-Mishri qal f’diskors lill-poplu Libjan fl-okkażjoni ta’ Eid Al-Adha li l-aggressjoni fuq Tripli ntemmet. Sostna li dawk li ħallsu biex issir il-gwerra fuq Tripli spiċċaw ma ħadu xejn ħlief saram.
Al-Mishri qal li l-Parlament għandu jinżamm f’belt waħda, filwaqt li sostna li l-Kunsill Għoli jinsab ħerqan li jaħdem mal-Kap tar-Rappreżentanti biex il-pajjiż jinġieb flimkien taħt kmand magħqud.
Hu semma kif bħal dan iż-żmien sena ilu, ħafna familji fi Tripli kienu qegħdin iqattgħu l-Eid fi skejjel u f’xelters, minħabba l-gwerra fuq il-belt kapitali li saret mill-ġeneral Khalifa Haftar.
Al-Mishri qal li ċ-ċirkostanzi kurrenti huma inkoraġġanti u jirrappreżentaw opportunità importanti biex jimxu ‘l quddiem fit-triq tal-paċi billi jiċħdu d-diviżjoni u jingħaqdu għall-ġid tal-pajjiż.
Qal li huma ċerti li qegħdin fit-triq it-tajba meta jitolbu għall-paċi. Saħaq li din mhix dgħufija, iżda determinazzjoni biex jinqered dak li qed jagħmel ħsara.
Dan il-kelliem indirizza wkoll lil dawk in-nies li ġew spustjati internament mir-reġjuni fil-Lvant u fin-Nofsinhar. Hu wegħedhom li din se tkun l-aħħar btala li se jkollhom iqattgħu ‘l bogħod minn darhom.