Saturday, December 21, 2024

L-aggressur ċempel hu stess lill-Pulizija… raġel kruċjali fl-arrest jirrifjuta $50,000

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Wara li fl-aħħar ġie arrestat is-suspettat aggressur tal-attakk f’Brooklyn, rapporti li qed jiċċirkolaw qegħdin jallegaw li kien l-istess Frank James li għarraf lill-awtoritajiet bil-post li fih kien jinsab. Barra minn hekk qiegħed jidher li r-raġel li ġibed l-attenzjoni tal-Pulizija dwaru mhux interessat li jiġbor il-flus offruti lil min jgħin fl-arrest.

Jidher li kien James stess li ċempel lill-Pulizija u qalilhom li kien jinsab f’McDonald’s f’Manhattan. Skont uffiċjali fid-Dipartiment tar-reati kriminali James qalilhom “Naħseb qegħdin tfittxuni. Qed nara r-ritratt tiegħi fuq l-aħbarijiet u se ssibuni ndur hawnhekk”.

Minkejja dan, ir-raġel ta’ 62 ma nstabx fil-post li qal li kien jinsab fih mal-wasla tal-pulizija. Sadanittant, ħaddiem tas-sigurtà bl-isem ta’ Zack Tahhan irrikonoxxa l-aggressur waqt li kien qiegħed jagħmel xi tiswijiet fuq camera ta’ stabbiliment fiż-żona u kif lemaħ vettura tal-Pulizija rreaġixxa minnufih u kien kruċjali fl-arrest.

F’konferenza li fiha ngħataw l-aġġornamenti relatati, l-uffiċjali tal-infurzar ħabbru l-arrest ta’ James, iżda ma semmewx l-involviment ta’ Tahhan. S’issa mhux magħruf jekk Tahhan huwiex se jirċievi l-$50,000 għall-involviment f’waqtu tiegħu. Intant f’kummenti lill-midja huwa qal li “l-flus mhux importanti għalija, kulma ridt hu li nagħmel dak li ħassejt li kien ġust biex issir ġustizzja”.

Jekk jinstab ħati tal-akkużi miġjuba kontrih, James jista’ jeħel sa għomor il-ħabs wara l-attakk li ħalla 10 persuni midrubin f’għadajjar ta’ dmija.

Ekonomija

Sport