Monday, November 11, 2024

“L-aġġustament għall-għoli tal-ħajja għandu jingħata sħiħ skont l-incomes policy”

Aqra wkoll

Il-ftehim dwar l-Incomess Policy li kien iffirmat bejn l-imsieħba soċjali u l-Gvern fl-1990 jipprovdi b’mod ċar u mandatorju li l-aġġustament għall-għoli tal-ħajja kif iffissata mill-Indiċi tal-Prezzijiet (RPI) jingħata sħiħ u mingħajr l-ebda tnaqqis.

Għalhekk, il-GWU, konsistenti ma’ dak il-ftehim dwar l-Incomes Policy ma tistax taċċetta u għalhekk se tibqa tirreżisti xi forma ta’ tnaqqis fl-aġġustament għall-għoli tal-ħajja kif qed ikun propost mill-Kamra tal-Kummerċ.

Dwar din il-proposta, dan is-sit ħa l-kumment tal-eks Segretarju Ġenerali tal-GWU, is-Sur Anġlu Fenech li filwaqt li kkonferma li l-GWU hija fit-triq it-tajba li tirreżisti kull proposta li timmina l-ftehim mandatorju dwar iż-żieda għall-għoli tal-ħajja, fakkar li kien hemm kwistjoni simili li wasslet għall-kunflitt kbir li l-Union kellha mal-lukanda Phoenica fil-bidu tas-snin 90.

Dakinhar, dan il-kunflitt kien inqala meta dik is-sena l-aġġustament għall-għoli tal-ħajja mogħti mill-Gvern kien ta’ madwar Lm3 iżda l-management tal-lukanda, bl-appoġġ tal-Gvern Nazzjonalista, ried inaqqas Lm2 minnu li kienu ngħataw bħala ż-żieda fil-ftehim kollettiv. B’hekk inħoloq kunflitt industrijali li dam ikarkar bosta ġimgħat.

Is-Sur Fenech sostna li jekk tkun aċċettata proposta bħal din f’pajjiżna jerġa’ jibda jkollna l-inkwiet u titħarbat l-istabbilita tar-relazzjonijiet industrijali.

Il-ftehim tal-Incomes Policy kien sab is-soluzzjoni għal kwistjonijiet bħal dawn meta kien għamel mandatorju li ż-żieda għall-għoli tal-ħajja tingħata sħiħa lil kull ħaddiem irrispettivament minn kull żieda oħra li tingħata permezz tal-ftehim kollettiv.

Il-ftehim dwar l-Incomes Policy dakinhar kien mekkaniżmu strumentali li wassal biex jiġi evitat kull kunflitt bejn il-unjins u min iħaddem u għalhekk ġab miegħu stabbilita fir-relazzjonijiet industrijali ta’ pajjiżna.

Konsistenti ma’ dan il-ftehim dwar l-Incomes Policy, il-GWU dejjem innegozjat li ż-żieda għall-għoli tal-ħajja tingħata bla tnaqqis lil kulħadd u tkun distinta minn kull żieda oħra li tista tingħata permezz ta’ mekkaniżmi oħrajn ta’ relazzjonijiet industrijali.

Wieħed irid iżomm f’moħħu wkoll li f’kull ftehim kollettiv diġà jeżistu klawsoli speċifiċi li jindikaw jekk iż-żieda għall-għoli tal-ħajja hiex inkluża f’żieda fil-ftehim kollettiv jew apparti. Għalhekk, il-GWU mhijiex se taċċetta qatt ebda ksur tal-liġi.

Sport