“Jiem sħaħ bla ikel”. Illum l-ikel tiegħi biex inżomm se jkun ilma u melħ. Dak qed niello. Hemm ħafna mistoqsijiet li nistaqsi lili nnifsi fosthom kemm se ddum din it-tbatija? Kemm se jdum dan il-ġuħ u din l-oppressjoni? Dan hu dak li nistaqsi lili nnifsi. Spiċċajt nitkellem waħdi. Irrid inwassal il-messaġġ li l-ġuħ ma intemmx. L-għajnuna mhix tasal. Hemm bżonn soluzzjoni.
Qegħdin inmutu bil-ġuħ. Fit-3 ta’ Awwissu (Illum) binti Tala tagħlaq għeluq sninha. Kemm kienet ġurnata ta’ ferħ għalina meta twieldet. Issa se tagħlaq tlett snin. Kemm nixtieq li tieqaf il-gwerra u ngħixu ħajjitna kuntenti u fil-paċi. Nagħmel minn kollox biex lil binti nferraħha.”
Dan jiddikjarah Mahmoud, li qed jgħix ta’ kuljum il-kalavrju li għaddej f’Gaża. Kriżi umanitarja li qiegħda twassal biex in-nies qegħdin imutu il-ġuħ minħabba imblokk minn Iżrael.. Proprju fl-aħħar jiem rajna lil Abel Madi ta’ 27 sena li spiċċa litteralment skeletru. Miet fil-kumpless mediku f’Nasser minħabba nuqqas ta’ ikel u nutrizzjoni. Ir-ritratti tiegħu ixxukkjaw lil kull min raħhom.
Karam al Jamal, persuna b’diżabilità, għadda mill-istess destin. Magħhom ħafna oħrajn, filmkien ma’ persuni li spiċċaw inqatlu meta marru biex jippruvaw jakkwistaw l-ikel. U l-mistoqsija li toħroġ hi – dik il-pajjiżi ta’ madwar id-dinja baqgħu gallarija quddiem din il-katastrofi umana? Għaliex baqgħu indifferenti?
L-uniku passi li ttieħdu fosthom dak li jiġi rikonoxxut l-istat Palestinjan, huma ftit wisq u mhux biżżejjed biex tispiċċa din il-katastrofi umana ta’ ġuħ u imwiet. Illum hemm bżonn azzjonijiet ferm u ferm aktar b’saħħithom, waqt li hu pożittiv li d-dinja tirrikonoxxi lill-Palestina bħala Stat.
Proprju fl-aħħar ġie ppubblikat rapport mill-‘Integrated Food Security Phase Classification (IPC)”. Din hi hija inizjattiva globali, li titkellem u tistħarreġ dwar kriżijiet li jkunu għaddejjin. L-allert mill-IPC, wera l-katastrofi li għaddejja.
“F’Gaża hemm l-agħar xenarju ta’ ġuħ”
L-allert qal li l-agħar xenarju possibbli ta’ ġuħ bħalissa qed iseħħ f’Gaża. Il-kunflitt u l-ispostament intensifikaw, u l-aċċess għall-ikel u oġġetti u servizzi essenzjali oħra niżel għal livelli bla preċedent. Evidenza , li dejjem qiegħda tiżdied turi li l-ġuħ hu mifrux ħafna, il-malnutrizzjoni, u l-mard qed iwasslu għal żieda fl-imwiet relatati mal-ġuħ. L-aħħar informazzjoni miġbura tindika b’mod ċar ħafna li ntlaħqu l-limiti tal-ġuħ għall-konsum tal-ikel fil-biċċa l-kbira ta’ Gaża u għall-malnutrizzjoni akuta.
L-allert iddikjara bla tlaqlieq li “trid tittieħed azzjoni immedjata biex jintemm il-kunflitt u jkun hemm rispons umanitarju bla xkiel. Dan irid isir fuq skala kbira, għax b’hekk jiġu jsalvati l-ħajjiet. Din hija l-unika triq biex jitwaqqfu aktar imwiet u tbatija umana katastrofika.”
L-allert fir-rapport li ħejja qal li “b’kunflitt bla waqfien, spostamenti frekwenti, aċċess umanitarju estremament limitat, u sistemi tal-kura tas-saħħa li qegħdin jikkollassaw, huma l-agħar xenarju possibbli qed jiżvolġi b’rata mgħaġġla f’Gaża. L-aħħar analiżi tal-IPC ippubblikata fit-12 ta’ Mejju tas-sena 2025 ipproġettat li l-popolazzjoni kollha f’Gaża se tiffaċċja livelli għoljin ta’ insigurtà tal-ikel akuta sa Settembru 2025, inklużi nofs miljun ruħ klassifikati li se jkunu f’Katastrofi, ikkaratterizzata minn nuqqas estrem ta’ ikel, ġuħ, faqar u mwiet. Il-malnutrizzjoni kienet mistennija tilħaq livelli kritiċi fit-Tramuntana ta’ Gaża, f’Gaża u Rafah, b’aktar minn 70,000 każ ta’ tfal taħt il-ħames snin u 17,000 każ ta’ nisa tqal u li qed ireddgħu jiffaċċjaw malnutrizzjoni akuta madwar it-territorju.”
F’xahrejn aktar minn 1,000 persuna nqatlu waqt li kienu qed jippruvaw imorru biex jakkwista l-ikel f’Gaża
Itenni li “mill-aħħar analiżi ’l hawn, il-bumbardamenti intensifikaw u l-operazzjonijiet militari fuq l-art kibru u infirxu aktar. Dan ħoloq impatt devastanti fuq iċ-ċivili bi kważi 6,700 persuna maqtulin u infrastruttura kritika meqruda. Minn nofs Mejju ’lhawn, 325,000 persuna oħra ġew spostati minn fejn kienu jgħixu u 88 fil-mija tat-territorju bħalissa jinsab taħt ordnijiet ta’ evakwazzjoni jew f’żoni militarizzati.
L-aċċess tan-nies għall-ikel madwar Gaża issa huwa allarmanti ħafna b’mod irregolari u estremament perikoluż. Mis-27 ta’ Mejju ’l hawn, aktar minn 1,000 persuna nqatlu waqt li kienu qed jippruvaw imorru biex jakkwistaw l-ikel f’Gaza.
L-għajnuna umanitarja tibqa’ estremament ristretta minħabba li t-talbiet għall-aċċess umanitarju qed jiġu ripetutament miċħudin u qegħdin iseħħu inċidenti ta’ sigurtà b’mod frekwenti. Minkejja t-tnaqqis tal-imblokk fid-19 ta’ Mejju, ftit biss għajnuna umanitarja, prinċipalment ikel, daħlet f’Gaza. Il-fran għadhom magħluqin. Il-l-kċejjen tal-komunità, għalkemm operattivi, mhumiex biżżejjed biex jissodisfaw l-iskala tal-bżonnijiet.”
Mir-rapport maħruġ fl-aħħar jiem jintqal li “l-Gaza Humanitarian Foundation (dik il-Fondazzjoni li twaqqfet bejn l-Istati Uniti u Iżrael) issostni li qassmet aktar minn 89 miljun ikla minn erba’ siti ta’ distribuzzjoni, primarjament f’żoni militarizzati tul il-fruntiera bejn Khan Younis u Rafah, fejn tinsab inqas minn kwart tal-popolazzjoni. Minkejja dan il-biċċa l-kbira tal-ikel mhuwiex lest biex jittiekel u jeħtieġ ilma u fjuwil biex jissajru. Issa fjuwil u ilma f’ħafna każi mhumiex disponibbli. Biex jintlaħqu dawn il-punti ta’ distribuzzjoni jeħtieġ vjaġġi twal u ta’ riskju għoli, b’aċċess mhux ugwali. Billi joperaw fuq bażi ta’ min jiġi l-ewwel jinqeda l-ewwel, l-aktar gruppi vulnerabbli fil-biċċa l-kbira ma jistgħux jaċċessaw dan l-ikel.”
Ir-rapport jgħid li “fl-istess ħin, il-konsum tal-ikel iddeterjora sew, b’individwu wieħed minn kull tlieta jispiċċaw jagħmlu diversi jiem bla ikel. Bejn Mejju u Lulju tas-sena 2025, il-proporzjon ta’ familji li jesperjenzaw ġuħ estrem irdoppja.”
Intqal li “l-malnutrizzjoni żdiedet b’rata mgħaġġla fl-ewwel nofs ta’ Lulju u laħqet il-limitu tal-ġuħ fil-belt ta’ Gaża. Aktar minn 20,000 tifel u tifla iddaħħlu għall-kura minħabba malnutrizzjoni akuta bejn April u nofs Lulju, b’aktar minn 3,000 minnhom ibatu minn malnutrizzjoni severa. L-isptarijiet irrappurtaw żieda qawwija ħafna fl-imwiet relatati mal-ġuħ ta’ tfal taħt il-ħames snin, b’mill-inqas 16-il mewt irrappurtati mis-17 ta’ Lulju.”
Ir-rapport jiddikjara li “għandha tittieħed azzjoni immedjata biex tittaffa t-tbatija katastrofika tan-nies f’Gaża. Dan jinkludi ż-żieda fl-ammont ta’ merkanzija, it-twaqqif mill-ġdid tas-servizzi bażiċi, u l-iżgurar ta’ aċċess sikur u bla xkiel għal assistenza suffiċjenti li ssalva l-ħajjiet. Xejn minn dan mhu possibbli sakemm ma jkunx hemm waqfien mill-ġlied.”
Il-kunflitt ikompli bla waqfien…jiżdiedu l-vittmi u l-korrimenti
Ir-rapport iddikjara li “l-vittmi u l-korrimenti qegħdin ikomplu jiżdiedu b’mod kostanti u kontinwu wara l-eskalazzjoni mill-ġdid tal-kunflitt minn Marzu ‘lhawn. F’Lulju kien hemm żieda qawwija fl-imwiet. Mill-21 ta’ Lulju, l-operazzjonijiet tal-ajru u tal-art espandew għall-belt u ż-żoni tal-madwar ta’ Deir al-Balah, li sa issa kienu fil-biċċa l-kbira tħallew mingħajr danni. Ġiegħlu eluf ta’ nies jiċċaqilqu lejn il-punent lejn il-baħar u n-nofsinhar lejn Khan Younis.
Minn meta reġgħu bdew l-ostilitajiet fit-18 ta’ Marzu, aktar minn 6,200 persuna nqatlu, u aktar minn 22,000 oħra indarbu serjament. B’hekk in-numru totali ta’ nies maqtulin minn Ottubru tas-sena 2023 tela’ għal kważi 60,000. Rapporti ta’ persuni ċivili li nqatlu waqt li kienu qed jistennew fil-kju fil-kliniċi jew fil-punti tad-distribuzzjoni tal-ikel qed isiru dejjem aktar inkwetanti.
Fl-20 ta’ Lulju, seħħew żewġ inċidenti fatali, inkluż attakk fuq konvoj umanitarju li kien qed iġorr ikel vitali lejn it-Tramuntana ta’ Gaża li rriżulta fil-qtil ta’ mill-inqas 73 persuna u aktar minn 150 persuna midrubin. L-ispazji sikuri qed isiru prattikament ineżistenti, hekk kif il-popolazzjoni qed tkun dejjem aktar limitata għal żoni dejjem jiċkienu li mhumiex nominati bħala żoni militari jew soġġetti għal ordnijiet ta’ spostament, primarjament fil-belt ta’ Gaża u żoni oħra”.
Intqal li l-ordnijiet ta’ evakwazzjoni jibqgħu kostanti u ta’ tfixkil. Minn meta reġgħu bdew l-ostilitajiet fit-18 ta’ Marzu, inħarġu 60 ordni u aktar minn 762,500 persuna ġew spostati ġodda, inklużi aktar minn 25,000 persuna bejn il-15 u t-22 ta’ Lulju. Aktar minn nofs il-movimenti riċenti tal-popolazzjoni kienu fl-istess gvernatorat, primarjament fil-Gvernatorat ta’ Gaża.
Il-movimenti l-oħra kienu primarjament mit-tramuntana għan-nofsinhar, bi flussi sinifikanti ta’ nies jiċċaqalqu minn jew lejn Al Mawasi f’Khan Younis, u minn Jabalia għall-punent tal-Belt ta’ Gaża, li jirrappreżentaw 40 fil-mija tal-movimenti kollha. Mingħajr ebda kenn sigur disponibbli, ħafna nies qed jistkennu f’siti iffullati żżejjed, bini bil-ħsara, jew żoni miftuħa”.
Hemm bżonn 62,000 tunnellata metrika kull xahar daħlu biss 19,900 u 37,800 tunnellata f’metrika f’Mejju u Ġunju
Ir-rapport jiddikjara b’mod ċar ħafna li “l-għajnuna umanitarja fil-parti l-kbira mhijiex biżżejjed, u n-nuqqas ta’ aċċess għall-ikel u oġġetti essenzjali oħra jibqa’ ta’ tħassib kbir. Mid-19 ta’ Mejju ’l hawn, wara imblokk ta’ 80 jum fuq id-dħul ta’ għajnuna umanitarja u provvisti kummerċjali, in-Nazzjonijiet Uniti setgħet terġa’ tibda parzjalment l-operazzjonijiet tagħha, għalkemm fuq skala ferm inqas minn dak li hu meħtieġ.
Filwaqt li huwa stmat li minimu ta’ 62,000 tunnellata metrika ta’ ikel bażiku huwa meħtieġ kull xahar biex ikopri l-bżonnijiet bażiċi tal-ikel tal-popolazzjoni ta’ Gaża; huwa importanti li wieħed jinnota li dan ma jinkludix ikel frisk bħal ħaxix u laħam. Madankollu, 19,900 tunnellata metrika u 37,800 tunnellata metrika biss ta’ ikel daħlu fit-territorju f’Mejju u Ġunju rispettivament, filwaqt li l-ebda għajnuna ma daħlet f’Gaża bejn it-2 ta’ Marzu u t-18 ta’ Mejju.”
Jisħaq li “minbarra r-restrizzjonijiet drastiċi fuq id-dħul tal-provvisti, l-aġenziji umanitarji ilhom jitħabtu biex iwasslu l-għajnuna b’mod sikur minħabba l-preżenza ta’ atturi armati ħdejn ir-rotot tal-konvojs u l-punti ta’ distribuzzjoni, aggravata minn disperazzjoni mifruxa li ħafna drabi twassal għal atti ta’ serq.
Stimi uffiċjali tan-Nazzjonijiet Uniti juru li 14 fil-mija biss (1,300 tunnellata metrika) mill-14,900 tunnellata metrika ta’ għajnuna umanitarja uffiċjali – inkluż ikel (97 fil-mija) u oġġetti essenzjali mhux tal-ikel (3 fil-mija) – li daħlu fil-Medda ta’ Gaża f’Ġunju 2025 laħqu l-punti ta’ distribuzzjoni.
28 Il-kċejjen komunitarji, linja ta’ salvataġġ għal ħafna nies minn Gaza, ikomplu jservu ikliet iżda b’kapaċità ferm imnaqqsa. Fl-20 ta’ Lulju, il-kċejjen komunitarji setgħu jservu biss 100,000 ikla fit-tramuntana u 58,000 ikla fiċ-ċentru u fin-nofsinhar ta’ Gaża, tnaqqis ta’ 30 fil-mija meta mqabbel mal-ġurnata ta’ qabel, u madwar terz tal-medja ta’ kuljum f’Mejju.
Fl-aħħar ta’ Ġunju, 25,000 persuna, li jirrappreżentaw inqas minn 1.5 fil-mija tal-popolazzjoni, l-aktar fin-nofsinhar, irċevew assistenza umanitarja tal-ikel minn aġenziji tan-Nazzjonijiet Uniti u organizzazzjonijiet umanitarji oħra għall-ewwel darba f’ġimgħat. Fit-tramuntana, l-aċċess umanitarju ġie ristrett ukoll mill-għeluq taċ-ċentru f’Zikim. Il-provvisti attwali ta’ ikel huma mistennija li jispiċċaw kompletament fix-xahar li ġej.”
Ir-rapport qal li l-Gaża Humanitarian Foundation bdiet tqassam il-provvisti tal-ikel fis-27 ta’ Mejju. Madankollu, iż-żieda prevvista inizjalment mill-mira oriġinali ta’ 1.2 miljun persuna fix-xahar (57 fil-mija tal-popolazzjoni) għadha ma mmaterjalizzatx. Dan iqajjem tħassib serju dwar il-kapaċità tan-nies li jaċċessaw l-ikel mill-erba’ siti ta’ distribuzzjoni, li kollha jinsabu f’żoni militarizzati, u dan jesponi lin-nies għal theddidiet kbar għas-sigurtà.