Thursday, March 19, 2026

L-AGRIKOLTURA TRID TKOMPLI TINGĦATA KULL GĦAJNUNA LI JISTOQQILHA

Aqra wkoll

Permezz tal-qasam tal-Fondi Ewropej u anke għall-fatt li fl-aħħar għaxar snin ikkontestajt f’distrett rurali, dejjem kelli l-opportunità inkun viċin bosta bdiewa tagħna u nsegwi mill-qrib il-ħidma tagħhom. Għandna għax tassew inkunu grati lejhom għall-ħidma tagħhom b’riżq pajjiżna. Jista’ jagħti l-każ li bħala poplu ma napprezzawx biżżejjed ix-xogħol kbir li jwettqu l-bdiewa u magħhom inżid ukoll ir-raħħala, biex ta’ kuljum iwasslulna l-benna tal-prodott frisk Malti li lkoll napprezzawh għat-tjubija tiegħu.

Ix-xogħol tal-bdiewa tagħna huwa wieħed iebes li jirrikjedi ħafna sagrifiċċji. U ġieli jiġri wkoll li wara xhur sħaħ ta’ sagrifiċċji tasal xi maltempata qalila bħa Storm Harry li kellna xahrejn ilu u f’tebqa t’għajn, xhur sħaħ ta’ tbatija fl-għelieqi tagħna tisfuma fix-xejn bil-ħsarat li jsiru.

Għalhekk huwa mportanti is-sostenn mill-istat għall-qasam tal-agrikoltura. Mhux biss għaliex dan il-qasam, minkejja ċ-ċokon tiegħu, huwa vitali għas-sigurta tal-provista tal-ikel f’pajjiżna imma wkoll għaliex il-bdiewa tagħna ħaqqhom kull sostenn bil-għan li l-Agrikoltura f’pajjiżna l-ewwelnett tibqa’ teżisti u mbagħad narawha tiżviluppa u anke timmodernizza ruħha billi taddotta sistemi moderni li jgħinu lill-bdiewa fil-ħidma tagħhom u anke jnaqqsulhom it-tbatija.

B’sodisfazzjoni qed nara l-kollega Ministru tal-Agrikoltura, Anton Refalo b’ħerqa kbira jaħdem biex jara li l-futur tal-biedja Maltija u Għawdxija jkun garantit billi ninvestu kemm nifilħu fit-trawwim ta’ ġenerazzjoni ġdida ta’ bdiewa żgħażagħ li jidħlu għal dan ix-xogħol u jkomplu jiżviluppawh. Flimkien miegħu għadna kif żorna razzett għand bidwi żagħżugħ f’Ħaż-Żebbuġ fejn tajna tagħrif dwar skema immirata propju biex tappoġġja lill-bdiewa żgħażagħ u tħeġġeġ aktar żgħażagħ jidħlu fil-biedja permezz ta’ opportunitajiet konkreti u sostenn finanzjarju sostanzjali.

B’investiment ta’ €5 miljuni fil-parti l-kbira tagħhom Fondi Ewropej fassalna intervent li joffri appoġġ dirett lill-bdiewa żgħażagħ li jixtiequ jibdew negozju agrikolu ġdid jew jieħdu f’idejhom operazzjonijiet agrikoli eżistenti. L-għajnuna finanzjarja tista’ tilħaq sa €100,000 għal kull applikant eleġibbli li tinkludi sa €80,000 għall-implimentazzjoni ta’ Business Plan approvat, flimkien ma’ top-ups addizzjonali ta’ €10,000 jew €20,000 skont il-kategorija tal-bdiewa rispettiva.

Din l-għajnuna mhux biss tgħin lill-bdiewa jegħlbu l-isfidi inizjali, iżda qed tagħmel is-settur agrikolu aktar attraenti, innovattiv u effiċjenti, filwaqt li tħeġġeġ it-tiġdid ġenerazzjonali tant meħtieġ.

Għandna diġa 63 bdiewa żgħażagħ li qed jibbenefikaw minn dan il-proġett tant importanti. Dan huwa l-mod kif nagħtu opportunitajiet reali u sostenibbli fis-settur agrikolu u ngħinu biex il-produzzjoni agrikola tkun aktar stabbli u jkollna s-sigurta tal-provista ta’ ikel frisk li tgħin biex il-katina tal-provista lokali ssir aktar reżiljenti u l-pajjiż ikun inqas dipendenti fuq l-importazzjoni.

Mingħajr l-ebda dubju, il-Fondi Ewropej huma sors ewlieni ta’ appoġġ finanzjarju għall-biedja tagħna. Appoġġ li qed jgħin fil-konkret għat-taħriġ u l-immodernizzar tas-sistemi u l-makkinarju użat fl-agrikoltura. Din l-għajnuna jeħtieġ li tkompli tingħata għaliex il-biedja tagħna hekk jistħoqqilha.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport