Saturday, November 23, 2024

L-aħħar fażi tal-proġett ta’ konnessjonijiet fil-Marsa-Ħamrun Bypass

Aqra wkoll

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg żar is-sit tal-proġett tal-Marsa-Ħamrun Bypass flimkien mat-tmexxija ta’ Infrastructure Malta. Hawnhekk, l-aġenzija qiegħda timplimenta t-tieni u l-aħħar fażi tal-proġett wara intervent ieħor li wessa’ dan il-bypass ċentrali minn erba’ għal sitt korsiji. Din it-tieni fażi hija maħsuba li ttejjeb il-konnessjonijiet li jwasslu għall-istess arterja prinċipali. Din il-konnettività tal-bypass qed issir ma’ bosta lokalitajiet, fosthom Birkirkara, Santa Venera, Ħal Qormi, il-Ħamrun u  l-Marsa.

Il-Ministru Ian Borg qal, “Hawnhekk se nkunu investejna ‘l fuq minn €7 miljun, xogħol li wettaqna f’żewġ fażijiet għax nemmnu fir-reviżjoni u f’titjib kontinwu. Din il-fażi li qed inżuru llum swiet madwar €2.25 miljun. Sa ftit snin ilu, il-Marsa-Ħamrun Bypass kien ċentru ta’ konġestjoni tkun xi tkun il-ġurnata u jkun xi jkun il-ħin. Illum, diġà drajna b’aktar effiċjenza u b’aktar sigurtà, u qed inkomplu naħdmu biex ir-rotta prinċipali mit-Tramuntana għaċ-ċentru għan-Nofsinhar tkompli titjieb. Hawnhekk qegħdin ukoll nagħmlu intervent ambjentali, fejn se jkollna l-ewwel ġnien vertikali f’arterja prinċipali mal-ħajt tal-ġenb inti u sejjer lejn in-Nofsinhar. Se nkomplu ninvestu fi kwalità tal-ħajja aħjar għall-Maltin u l-Għawdxin kollha.”

Fost ix-xogħlijiet li qed isiru f’din il-fażi, Infrastructure Malta qed tibni u ssaħħaħ partijiet mill-istrutturi antiki ta’ din il-flyover u partijiet mill-ħitan tal-mini ta’ Santa Venera. Il-Ministru Borg spjega li dawn l-istrutturi ilhom mibnija għal bosta snin, b’hekk kellhom bżonn tiswijiet estensivi sabiex jiġu evitati riskji potenzjali għall-pubbliku. Huwa temm jgħid li dawn ix-xogħlijiet kollha għandhom ikunu konklużi sal-aħħar ta’ din is-sena.

Sport