Wednesday, October 9, 2024

L-aħħar ftit preparamenti biex il-ġimgħa d-dieħla tibda s-sena skolastika 2024-25

Aqra wkoll

Nhar it-Tnejn 23 ta’ Settembru jidħlu fuq il-post tax-xogħol tagħhom 8,237 edukatur fl-iskejjel tal-Istat, biex imbagħad l-Erbgħa 25 ta’ Settembru jidħlu wkoll biex jibdew sena skolastika ġdida 29,086 student u studenta mifruxa mill-ewwel sena tal-primarja sal-ħdax-il sena tas-sekondarja.

5,911 student fil-livell ta’ kindergarten jibdew is-sena skolastika tagħhom fl-1 ta’ Ottubru. B’hekk, meta l-istudenti kollha jkunu daħlu lura fuq il-bankijiet tal-iskola, ikunu daħlu total ta’ 34,997 student u studenta fl-iskejjel tal-Istat.

Is-sena skolastika ġdida se tibda wara sajf sħiħ ta’ preparamenti li jvarjaw minn dawk amministrattivi u akkademiċi sa proġetti infrastrutturali u diġitali. Filwaqt li għal din is-sena skolastika ġew impjegati 235 professjonist ġdid fosthom edukaturi, kienu mġedda wkoll 544 kuntratt ta’ professjonisti oħrajn.

Matul din is-sena skolastika se jkun hemm 3,449 rotta ta’ trasport b’xejn tal-iskejjel, li minnhom 931 huma għall- istudenti tal-iskejjel tal-Istat. Total ta’ 33,761 student u studenta mil-livell ta’ kindergarten sas-sekondarja (14,031 tal-Istat u 19,730 tal-Knisja u Indipendenti) se jgawdu minn dan is-servizz.

Matul is-sajf tlestew 3 proġetti maġġuri ta’ infrastruttura edukattiva mill-Fondazzjoni Għall-Iskejjel ta’ Għada b’investiment ta’ €64 miljun filwaqt li hemm tmintax-il proġett ieħor ta’ rinnovazzjoni ta’ postijiet ta’ rikreazzjoni fl-iskejjel u fiċ-childcare centres li se jkompli għaddej ix-xogħol fuqhom b’investiment ta’ ’l fuq minn €500,000. Sar ukoll investiment ta’ madwar żewġ miljuni għal madwar 500 proġett ieħor ta’ manutenzjoni li saru bejn Marzu u Settembru mill-ħaddiema assenjati fil-kulleġġi u dawk tal-Precincts Management Unit fi ħdan il-Loġistika, Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, proġetti oħrajn ikomplu jiġu implimentati fix-xhur li ġejjin.

Matul l-aħħar xhur kien hemm ukoll ħidma kbira għaddejja mit-tim tal-Information Management Unit fis-settur tal-infrastruttura diġitali li wasslet għat-tlestija ta’ 78 proġett, fosthom infrastruttura diġitali fl-iskola l-ġdida tal-Imsida, xogħol ta’ ħolqien ta’ klassijiet diġitali fuq Microsoft Teams u My School u sistema ta’ sigurtà fuq l-apparat diġitali tal-istudenti, effettiv anke wara l-ħin tal-iskola.

“Eżatt ma’ tmiem is-sena skolastika li għaddiet bdiet ħidma intensiva biex nippreparaw għas-sena skolastika li se tibda minn nhar it-Tnejn li ġej. Ħidma li wasslet biex niżguraw li dak kollu meħtieġ, kemm jekk akkademiku, kemm jekk xogħol infrastrutturali kif ukoll xogħol amministrattiv, iwassal għall-ftuħ ta’ sena oħra akkademika b’dak kollu meħtieġ kemm għall-edukaturi u wkoll għall-istudenti”, qal il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima.

Il-Ministru Clifton Grima spjega li kien hemm eżerċizzju kbir biex ikun żgurat li l-klassijiet fis-snin kollha tal-iskejjel tal-Istat ikollhom l-edukatur tagħhom fis-suġġetti kollha, filwaqt li xogħol massiv ieħor kien jikkonċentra fuq l-ambjent edukattiv li fih se jqattgħu x-xhur li ġejjin l-edukaturi u l-istudenti. “Dan ma kienx biss xogħol infrastrutturali, imma wkoll xogħol fis-settur diġitali u teknoloġiku biex dejjem inkomplu ntejbu l-esperjenza edukattiva”.

“Nawgura mhux biss lill-edukaturi u lill-ħaddiema amministrattivi fl-iskejjel kollha, filwaqt li nirringrazzjahom tal-impenn u tad-dedikazzjoni tagħhom għall-ġid ta’ uliedna, imma wkoll nawgura lill-istudenti kollha li se jibdew sena skolastika oħra li fl-aħħar mill-aħħar għandha l-għan li tagħtihom l-opportunitajiet kollha possibbli biex jilħqu l-aspirazzjonijiet individwali ta’ kull wieħed u waħda minnhom”, sostna l-Ministru Grima.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport