Tuesday, December 24, 2024

L-aħħar intervista mal-Konsulent Victor Calvagna

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

It-tabib maħbub li tant ħadem għall-kura tal-kanċer fit-tfal jirriżulta b’95% ħsara fil-moħħ

Malta, il-professjonisti fil-qasam mediku, in-nies kollha li missu mal-marda kerha tal-kanċer fit-tfal, organizzazzjonijiet, kif ukoll qraba u ħafna ħbieb huma maħsuda b’dak li ġara lil Victor Calvagna, il-Konsulent tal-Onkoloġija Pedjatrika f’Mater Dei u President tal-Fondazzjoni “Puttinu Cares” li nhar l-Erbgħa li għadda ddaħħal b’urġenza l-isptar bi ġrieħi serji f’rasu wara li traġikament ittajjar minn karozza qrib l-akwarju nazzjonali fil-Qawra. 

Il-kundizzjoni tiegħu hija waħda kritika ħafna fejn minn testijiet tal-MRI li saru, martu Carmen ħabbret li żewġha huwa brain dead. F’Ottubru li għadda dan is-sit ippubblika intervista ma’ dan il-Konsulent eċċellenti, umli u simpatiku dwar is-sitwazzjoni tal-kanċer fit-tfal f’Malta. Barra li tana stampa reali tad-diffikultajiet kbar li jiffaċċjaw il-pazjenti ċkejknin milquta mill-kanċer u l-familji tagħhom li jridu jaddattaw għal realtà iebsa, Dott. Calvagna tana l-opportunità li nsiru nafuh naqra aħjar u llum se nfakkrukom ftit il-lat personali ta’ dan it-tabib tant maħbub. 

Il-passatempi, il-ktieb favorit, il-pjanijiet għall-futur u l-kwotazzjoni favorita

Bħalma ħafna drabi nagħmel, f’kull intervista ninkludi profil tal-persuna u dan kien ukoll fil-każ ta’ Dott. Calvagna. L-aktar mistoqsijiet li nħobb nagħmel fil-profili biex wieħed jieħu idea aħjar tal-personalità u l-aspirazzjonijiet ta’ dak li jkun huma l-passatempi, il-ktieb favorit, il-pjanijiet tal-futur u l-kwotazzjoni favorita.

F’dawn il-ġranet fejn ħajjet Dott. Calvagna hija fil-periklu, ma stajtx ma nħarisx lejn x’kienu x-xewqat tiegħu għall-futur. Hawnhekk Victor qalli li jixtieq li jsiefer aktar u li jagħmel inqas xogħol, aspirazzjonijiet li f’ħajja mgħaġġla u impenjattiva mmens bħalma jkollu konsulent iddedikat bħal Dott. Calvagna, huma verament raġjonevoli u jixirqulu. 

Imwieled nhar it-22 ta’ Marzu tal-1958 fil-Floriana, Dott. Calvagna huwa miżżewweġ lil Carmen u flimkien għandhom żewġt itfal – Francesca u Rebecca. Bħala professjoni huwa l-Konsulent ewwlieni tal-Onkoloġija Pedjatrika u huwa wkoll il-President tal-Fondazzjoni “Puttinu Cares” li tgħin lill-familji Maltin u Għawdxin li wliedhom jimirdu bil-kanċer. 

Fil-ħin liberu tiegħu huwa semma’ diversi passatempi fosthom l-għawm, iċ-ċikliżmu, il-ġiri u attivitajiet sportivi bħal endurance sports u physical fitness. Bħala ktieb favorit tiegħu, Dott. Calvagna qalilna b’dak minn Herbert Ganado intitolat “Rajt Malta Tinbidel”. 

Il-karattru u l-valuri sbieħ tiegħu jirriflettu wkoll fil-kwotazzjoni li għażel bħala dik favorita – “Għandi ħolma li l-erbat itfal tiegħi xi darba jgħixu f’nazzjon fejn ma jkunux iġġudikati mill-kulur tal-ġilda tagħhom imma mill-karattru li jkollhom” ta’ Martin Luther King. 

Fejn tidħol il-karriera, Dott. Victor Calvagna kien brillanti. Fl-1984 huwa ggradwa bħala tabib mill-Università ta’ Malta; bejn l-1984 u l-1986 huwa lesta t-taħriġ tiegħu fil-mediċini u l-kirurġija fl-Isptar San Luqa; fl-1986 beda l-ispeċjalizzazzjoni fil-Pedjatrija u lestiha fil-Great Ormond Street Hospital ta’ Londra fl-1989; bejn l-1994 u l-2001 huwa speċjalizza fl-Onkoloġija Pedjatrika fl-Isptar San Luqa u fir-Royal Marsden Hospital. Fl-2001 huwa sar il-konsulent ewlieni fir-Rainbow Ward fis-Sir Anthony Mamo Oncology Centre.

Dott. Calvagna huwa membru korrispondenti taċ-Children’s Cancer and Leukemia Group; membru tas-Soċjetà Internazzjonali tal-Onkoloġija Pedjatrika (SIOP) u mill-2002 ħa r-rwol ta’ President ta’ “Puttinu Cares”.

Barra minnhekk, f’Diċembru tal-2010 huwa ngħata l-unur tan-National Order of Merit fil-grad ta’ membru.

“L-Età l-aktar milquta hija ta’ dik bejn l-4 u l-5 snin bl-aktar każijiet komuni li naraw huma l-lewkimja u t-tumur tal-moħħ… Pero Wieħed minn kull tlieta minnha jiżviluppa kanċer sal-età ta’ 80 sena.”

Estratti mill-intervista dwar il-kanċer fit-tfal ma’ Dott. Victor Calvagna…

* Dott. Victor Calvagna qalilna kif f’Malta jaraw bejn 10 u 12-il każ ta’ kanċer ġdid fis-sena fit-tfal, rata li qiegħda tressaqna viċin li ta’ kull xahar ikollna każ ġdid ta’ kanċer fit-tfal. “L-età l-aktar milquta hija ta’ dik bejn l-erba’ u l-ħames snin bl-aktar każijiet komuni li naraw huma l-lewkimja u t-tumur tal-moħħ… Però wieħed minn kull tlieta minnha jiżviluppa kanċer sal-età ta’ 80 sena. It-tipi ta’ kanċer li jaffettwaw lit-tfal huma differenti mit-tipi ta’ kanċer li naraw fil-kbar u ma nafux għalfejn il-maġġoranza tat-tfal jiżvillupaw kanċer. 

* Huwa qal li ħafna minn dawn il-kanċer jaraw il-bidu tagħhom waqt li t-tarbija tkun qiegħda tiżviluppa fil-guf u li ftit mill-kanċer tat-tfal jiġru minħabba żball ġenetiku li jintiret. Infurmana li n-numru tat-tfal bil-kanċer qiegħed jiżdied bir-rata ta’ wieħed fil-mija kull sena mad-dinja kollha.

* Mistoqsi dwar kif iġibu ruħhom tfal pazjenti bil-kanċer u jekk jifhmux dak li jkunu għaddejjin minnu, Dott. Calvagna qal li dawn it-tfal xorta tfal jibqgħu u jaġixxu bħalma jaġixxu tfal oħra bi kwalunkwe marda kronika oħra. “Ħafna minnhom malajr jidraw il-kura li jkunu qegħdin jieħdu u l-importanti huwa li jkunu mal-ġenituri tagħhom, ikollhom biex jilagħbu u ma jkollhomx uġigħ jew tagħmlilhom xi proċedura li tikkawża l-uġigħ.”

* Din il-marda ma tolqotx biss lill-pazjenti, iżda wkoll lill-qraba tagħhom. Dan japplika b’mod speċjali f’każijiet tat-tfal fejn l-akbar sfida għal dawn il-familji hija l-fatt li lit-tfal tagħhom żviluppalhom kanċer. Dott Calavagna qal li, “it-trattament huwa iebes u twil. Il-familja trid tadatta għal bidla fil-ħajja tagħha. Il-Covid-19 ma jgħinx għax ikkomplika aktar it-trattament ta’ dawn it-tfal”.

* Huwa spjega li, “jekk ikun hemm xi kura li ma tingħatax Malta u din importanti li tingħata biex it-tifel jew tifla jfiequ, aħna nirreferu lil dawn it-tfal f’ċentri tajbin tal-kanċer barra minn Malta. Ħafna minn dawn iċ-ċentri jinsabu ġewwa Londra u aħna għandna kuntatti tajbin ma’ dawn iċ-ċentri”

* Il-Konsulent Victor Calvagna fi tmiem l-intervista kien irringrazzja lill-awtoritajiet tal-prijorità li jagħtu biex dawn it-tfal ikollhom il-kura li jeħtieġu lokalment u jekk le, ikunu lesti li jidħlu għall-ispejjeż tal-kura ta’ dawn it-tfal barra minn Malta.

Ekonomija

Sport