Monday, October 14, 2024

“L-aħħar persuna li salvajna qalilna li baqa’ ġuvni fuq ġewwa”

Tkompli l-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ ħames persuni akkużati bil-qtil involontarju ta’ Jean Paul Sofia

Aqra wkoll

Quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello, dalgħodu kompliet il-kumpilazzjoni li fiha ħames persuni jinsabu akkużati bil-qtil involontarju ta’ Jean Paul Sofia.

Il-persuni akkużati huma l-Perit Adriana Zammit, l-Iżviluppaturi Kurt Buhagiar u Matthew Schembri, u l-Kuntratturi Milomir Jovicevic u martu Dijan. Flimkien, huma qegħdin jiġu akkużati li, b’nuqqas ta’ ħsieb, fost l-oħrajn ikkaġunaw il-mewt ta’ Sofia – ġuvni ta’ 20 sena, liema każ kien seħħ fit-3 ta’ Diċembru tas-sena li għaddiet.

Fost ix-xhieda li tressqu llum kien hemm id-Direttur Ġenerali tad-Dipartimenti tal-Protezzjoni Ċivili, Peter Paul Coleiro, li ta dettalji dwar l-operazzjoni tas-salvataġġ. Coleiro xehed li l-ewwel li nħarġu kienu tliet persuni li kienu miksija bil-konkrit u minnufih bdew jingħataw l-għajnuna medika. Fl-istess waqt, uffiċjali tal-Protezzjoni Ċivili bdew jipprovaw jiġbru informazzjoni dwar kemm kien hemm nies fil-binja qabel ma ċedit. Qal li l-aħħar ħaddiem minn tlieta li nħarġu għadda informazzjoni lill-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili li fuq ġewwa kien baqa’ ġuvni.

Id-Direttur Ġenerali xehed li l-kelb tas-servizz mill-ewwel ta indikazzjoni fejn seta’ kien il-vittma, iżda kien diffiċli immens li wieħed jasal għalih. L-investigaturi sabu vann ipparkjat fuq barra tal-binja u fiha kien hemm il-kartiera tal-vittma. Kien hawn li huwa waslu għall-konklużjoni li fuq ġewwa kien hemm Jean Paul Sofia.

Coleiro xehed li waqt li kienu qegħdin jaraw eżatt kif jistgħu jaslu għall-vittma mingħajr ma jkun hemm periklu serju fuq il-ħaddiema tas-salvtaġġ ġie nnotat li kien hemm ħajt dobblu mhux imqabbad u bir-riħ dan l-istess ħajt beda jperper. Minħabba din is-sitwazzjoni kien hemm tħassib serju fuq is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili u għalhekk wieħed ried ikun ċert minn din l-operazzjoni biex ma jweġġa’ ħadd. Qal li huma raw ukoll filmati tas-CCTV li rrekordjaw dak kollu li ġara u minn hawn komplew isaħħu l-indikazzjoni tagħhom dwar fejn seta’ kien il-vittma, li kien l-istess post li indika l-kelb tas-servizz.

Xehed li minħabba li l-operazzjoni kienet waħda kumplessa ħafna, l-uffiċjali bdew ineħħu saqaf li kien fadal biex ikunu jistgħu jaħdmu aħjar. Hu kkonferma li kienu ntużaw drones sabiex jinstab il-vittma. Esperti tal-bini informaw lill-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili li kien hemm riskju serju li l-bqija tal-binja kienet se tikkollassa.

Id-Direttur Ġenerali fix-xhieda tiegħu qal li aktar tard imbagħad ġie kkonfermat il-post eżatt fejn kien Sofia u kollox kien qiegħed jindika li l-ġuvni kien tilef ħajtu. Fix-xhieda dettalljata tiegħu, Coleiro qal li Sofia kien jinsab fl-aktar punt ‘il bogħod minn fejn kienu l-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili u anke l-aktar post perikoluż li kien hemm fil-binja kollha.

Persuni oħrajn li xehdu fil-kumpilazzjoni tal-lum huma Francesco Degabriele – uffiċjal tal-Protezzjoni Ċivili maħtur bħala espert fl-inkjesta maġisterjali sabiex jiġbed filmati u ritratti tas-sit, u l-Kuntistabbli Emmanuel Zammit li xehed dwar it-tfittxija li saret fid-dar tal-Perit tal-proġett. Il-Kuntistabbli Żammit qal li hekk kif marru biex jagħmlu tfittxija fid-dar tal-Perit, hi wriet ix-xewqa li l-ewwel titkellem mal-avukati tagħha, iżda imbgħad qaltilhom li jistgħu jidħlu u jwettqu din it-tftixxija li fiha ġie elevat tagħmir elettroniku.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Paul Camilleri u Antonello Magri.

L-Avukat Stephen Tonna Lowell qed jiddefendi lill-Perit Zammit. F’isem Schembri u Buhagiar qegħdin jidhru l-Avukati Franco Debono, Arthur Azzopardi u Jacob Magri, filwaqt li għall-kuntratturi qed jidher l-Avukat Timothy Bartolo.

L-Avukati Joe Giglio u David Bonello qegħdin jidhru f’isem il-familja tal-vittma.

Sport