Il-preparamenti għal L-ISTRINA ta’ nhar il-Ħadd li ġej mexjin ġmielhom fil-Kumpless Sportiv ta’ Ħal Kirkop. Il-pandemija mhijiex mistennija twaqqaf din il-festa ta’ ġenerożità li fiha kull sena jispikkaw il-valuri sbieħ tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.

Intant fl-aħħar sigħat numru ta’ voluntiera kienu involuti f’dawn ix-xogħlijiet li jinkludu twaħħil ta’ sinjali għal dawk li se jmorru personalment bid-donazzjonijiet tagħhom, armar ta’ tined li fihom se jkun hemm numru ta’ voluntiera biex jiggwidaw lil dawk li jattendu, kif ukoll tfassil tal-mezzi kollha tal-komunikazzjoni neċessarja biex tittella’ attività bħal din fost xogħlijiet oħrajn.

Fil-kummenti tiegħu s-Sur John Huber; Chairman tal-bord amministrattiv tal-MCCFF ddeskriva L-ISTRINA bħala l-akbar turija ta’ solidarjetà tal-poplu Malti. Huwa qal li f’din il-ġurnata għandna ninsew id-differenzi ta’ bejnietna biex bil-ftit jew il-ħafna tagħna nagħmlu d-differenza fil-ħajja ta’ dawk l-aktar batuti

Il-President u martu mhumiex se jkunu qegħdin jattendu għal din l-attività b’mod fiżiku wara li ġew f’kuntatt ma’ persuna pożittiva ftit tal-jiem ilu.
