Saturday, December 28, 2024

L-aħħar preparamenti għall-ftuħ tal-Valletta Green Festival

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Iċ-Ċermen tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef, flimkien mal-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici u l-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża, Miriam Dalli, għada ser jiftħu l-Valletta Green Festival.

It-tema għall-edizzjoni ta’ din is-sena hija l-importanza tal-ispazji pubbliċi, il-protezzjoni tal-abitat naturali u l-effett li dan għandu fuq il-flora u l-fawna tal-gżejjer tagħna. L-attrazzjoni prinċipali tal-festival, l-infjorata, ser tkun qed issir fi Pjazza San Ġorġ.

L-infjorata ta’ din is-sena, magħmula minn aktar minn 50,000 pjanta li jinkludu l-ħwawar u titratta d-disinn ta’ żrinġ fi spazju ta’ 500 metru kwadru, hija intiża biex tqajjem kuxjenza dwar il-qerda tal-ħabitat taż-Żrinġ Impinġi (Painted Frog) li huwa l-uniku amfibju li għandna f’Malta. Il-festival ta’ din is-sena ser jinkludi wkoll  il-korsa ta’ ostakoli għall-klieb Ruff Mudder li se ssir fi Ġnien Laparelli nhar it-30 ta’ April mill-10am sas-6pm. Wara l-inizjattiva tas-sena l-oħra, l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta se tkompli bil-kontribut tagħha favur l-tħaddir urban u se tħalli warajha legat ta’ 15 % ta’ diversi pjanti u siġar fi Triq il-Gendus u Triq San Karlu, il-Belt Valletta.

Diversi stands ser jittellgħu fi Pjazza San Ġorġ fejn ser tkun qed tingħata informazzjoni lill-pubbliku dwar l-ambjent u inizjattivi ħodor. 

Dan huwa l-ewwel minn serje ta’ avvenimenti tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta fil-miftuħ din ir-Rebbiegħa u jibqa għaddej sal-Ħadd l-1 ta’ Mejju.

Ekonomija

Sport