Tuesday, December 23, 2025

L-aħħar preparamenti qabel L-istrina 2025

Aqra wkoll

Fil-Kumpless Sportiv ta’ Ħal Kirkop għaddejjin l-aħħar preparamenti biex l-għada tal-Milied tittella’ edizzjoni oħra tal-maratona nazzjonali L-istrina, li tippermetti lill-Malta Community Chest Fund tkompli tgħin lil dawk kollha li jiġu bżonnha.

It-Tlieta filgħodu, l-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, żaret il-Kumpless Sportiv fejn segwiet il-ħidma li għaddejja u ltaqgħet mal-ħaddiema, kemm tal-Uffiċċju tal-President, tal-Malta Community Chest Fund kif ukoll ħaddiema ta’ kumpaniji privati li offrew l-għajnuna tagħhom fl-armar u l-preparamenti tal-post.

Bħas-sena li għaddiet, L-istrina tiftaħ f’nofsinhar mill-President ta’ Malta, akkumpanjata mill-Prim Ministru Robert Abela, il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg u l-Arċisqof ta’ Malta, Monsinjur Charles J. Scicluna.

Ix-xandira tibqa’ għaddejja sa nofsillejl fuq l-istazzjonijiet ewlenin kollha, u matul il-jum ikun hemm divertiment minn bandisti minn għaqdiet mużikali differenti miġbura flimkien mill-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda, kif ukoll attivitajiet immexxija minn personalitajiet tat-televiżjoni, u intervisti ma’ persuni li ġew bżonn l-għajnuna tal-Malta Community Chest Fund.

Matul il-ġurnata, il-President Myriam Spiteri Debono se tkun qed tgħin fil-ġbir skont il-ħtieġa, waqt li diversi voluntiera jieħdu t-telefonati tal-pubbliku. Individwi u kumpaniji li jkunu għamlu l-ġabriet tagħhom, kemm b’mod privat jew waqt attivitajiet organizzati matul is-sena, ikunu jistgħu jippreżentaw iċ-ċekkijiet.

Il-President se żżur ukoll Għawdex, għall-ħabta tat-3.30pm, biex tilqa’ d-donazzjonijiet minn individwi u kumpaniji Għawdxin. Din is-sena, b’differenza minn snin oħra, iċ-ċelebrazzjoni ta’ L-istrina f’Għawdex se ssir fid-daħla ta’ Betleħem f’Għajnsielem, liema attività tradizzjonali wkoll qed issir b’risq il-ħidma tal-Malta Community Chest Fund.

Din is-sena wkoll, numru ta’ parrukkiera reġgħu qed joffru s-servizzi tagħhom b’xejn, u se jkunu fil-Kumpless Sportiv ta’ Ħal Kirkop biex jaqtgħu xagħar dawk li jixtiequ jagħtuh b’donazzjoni lill-Malta Community Chest Fund.

Dan ix-xagħar jintuża biex isiru parrokka għal dawk li jitilfu xagħarhom minħabba t-trattament tal-kanċer jew kundizzjonijiet mediċi oħra, u l-Malta Community Chest Fund ikollha bżonn bejn erba’ u sitt donazzjonijiet ta’ xagħar għal kull parrokka.

Ix-xagħar irid ikollu tul ta’ mill-inqas 30 ċentimetru u ħieles minn kimiċi, u dawk li jixtiequ jagħmlu donazzjoni tax-xagħar huma mitluba jagħmlu appuntament billi jċemplu fuq 7969 0754/ 2169 0754.

Sadattant, dawk li jixtiequ jibdew jagħtu d-donazzjonijiet tagħhom jistgħu jagħmlu dan anke qabel jum L-istrina. Il-linji għad-donazzjonijiet huma miftuħa, u wieħed jista’ joffri €25 billi jċempel fuq 51802012, €50 fuq 51902030 jew permezz ta’ SMS għal donazzjoni ta’ €11.65 fuq 50619201. Donazzjonijiet oħra, ta’ kull ammont, jistgħu jintbagħtu direttament bl-apps ta’ BOVMobile jew MyAPS, fuq 79359565.

F’jum L-istrina jkun miftuħ ukoll il-pledge line, fuq in-numru 21262626, fejn wieħed ikun jista’ jċempel biex jagħti donazzjoni u l-voluntiera tal-Malta Community Chest Fund jiġbruha matul il-ġurnata.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport