Wednesday, October 1, 2025

L-Aħħar Żifna u Stejjer Oħra

Aqra wkoll

Fid-dinja vasta u wiesgħa tal-letteratura, it-temi jistgħu jkunu vasti u qawwija, imma xi wħud minn dawn it-temi nsibuhom mifruxa iktar ta’ sikwit minn oħrajn fil-qafas tal-istejjer. Tema universali, u tassew qawwija, hija dik tal-Imħabba, għax l-imħabba hija sentiment magħġun b’mod qawwi man-natura umana. L-imħabba, fid-diversi forom tagħha, tippreżenta pajsaġġ vast ta’ emozzjonijiet li jvarjaw minn waqtiet ta’ estasi sa oħrajn ta’ disprament. 

L-Imħabba hija sentiment li kulħadd, xi darba jew oħra, f’xi forma jew oħra, esperjenzaha, ħassha, għadda minnha. It-turija ta’ dan is-sentiment qawwi fil-kitba letterarja tagħtina lok li nidħlu fil-fond, u ngħarblu sew, fil-labirinti komplessi tal-emozzjonijiet umani. U dan jgħin biex nifhmu aħjar il-kundizzjoni umana, għax it-temi tal-imħabba jippreżentaw xenarju għani ta’ emozzjonijiet u kundizzjonijiet umani, li jgħinuna biex nipperċepixxu d-dinja permezz ta’ kalejdoskopju ta’ perspettivi.  

U huwa tabilħaqq dan li għamel il-kittieb, Edgar Formosa, f’dan l-aħħar ktieb tiegħu, ġabra ta’ tliet novelli, bl-isem L-Aħħar Żifna u Stejjer Oħra. It-tema ċentrali tat-tliet novelli li se ssib f’dan il-ktieb hija tabilħaqq l-imħabba. L-imħabba fl-aspetti kollha tagħha. Mhijiex ikklassifikata, ma hemm xejn sterjotipat, mhijiex ikkatalogata b’manjiera riġida fuq kif għadha tkun u tidher. Min jgħidlek li dik l-idea sterjotipata ta’ kif għandha tkun relazzjoni ta’ mħabba hija tassew waħda qawwija u b’saħħitha? L-apparenzi jafu jqarrqu. It-tliet novelli jidhru differenti minn xulxin, jinħassu differenti minn xulxin, imma fil-qofol tagħhom mhux hekk. It-tlieta li huma għandhom fihom dik l-imħabba sabiħa, sinċiera u qawwija, ir-rispett, l-aċċettazzjoni, il-kompassjoni, u l-ħbiberija. F’dan il-ktieb se ssib bħal mera li se tirrifletti lejk ir-realtajiet tal-ħajja, jiġifieri s-sbuħija tal-imħabba, il-weġgħat, il-passjoni u l-vulnerabbiltà tal-imħabba, realtajiet li kulħadd seta’ għadda minnhom. Naraw in-natura multidimensjonali tar-relazzjonijiet umani.

Dawn it-tliet novelli se jieħdu lill-qarrej f’dinja għalkollox differenti minn dik li mdorrijin fiha. Insibu l-element tal-fantasija, ħafna għal qalb il-kittieb, li jużaha ħafna, u huwa għalhekk importanti li l-qarrej iħaddem dik li bl-Ingliż tissejjaħ is-‘Suspension of Disbelief’. Din ma hija xejn ħlief tattika li l-qarrej għandu jimxi magħha biex igawdi u jieħu gost b’dak li jkun qiegħed jaqra. U din l-istess ‘Suspension of Disbelief’ tagħti lill-kittieb il-libertà li joħloq dinjiet u sitwazzjonijiet miftuma mir-realtà. Il-qarrej għandu jevita, u jwarrab, għalkollox il-ħsieb loġiku u kritiku li s-soltu jimxi bih f’ħajtu, u jaċċetta li dawk il-ħwejjeġ li fil-ħajja reali ma jistgħux ikunu, u jeżistu, għall-iskop tal-qari u tal-istorja, dawn jistgħu tabilħaqq jiġru, u jkunu, u jeżistu. Il-qarrej irid jaċċetta l-fatt li dak li fil-ħajja ma jistax ikun, fil-ġrajja li qiegħed jaqra l-istess affarijiet jistgħu tabilħaqq ikunu. Għalhekk it-terminu ‘Suspension of Disbelief’ … irid iwarrab għalkollox il-kunċett ta’ ‘ma jistax ikun’, u jħaddan il-kunċett ta’ ‘kollox jista’ jkun’. B’hekk il-qarrej ikun jista’ jidħol fid-dinja maġika u sabiħa tal-fantasija, u jdaħħal lilu nnifsu fil-qalba tal-ġrajja, anke b’mod emozzjonali.

Ir-ritmu huwa mexxej, ħafif u delikat. U l-ġrajja, l-istorja, ta’ kull novella  hija koerenti u fidila għal-loġika interna tagħha.

Insibu lil Imelda fin-novella L-Aħħar Żifna, armla, xwejħa ħelwa, li l-aħħar snin ta’ ħajjitha marret tgħixhom f’dar tal-anzjani. Hemm tiftakar f’dak kollu li għaddiet minnu tul ħajjitha, l-iktar fil-waqtiet sbieħ li għaddiet ma’ żewġha Victor. U tixtieq terġa’ tgħixhom. F’lejl minnhom, kellha żjara … kienet qiegħda tistennieha din iż-żjara, jew le? X’kellha f’moħħha Imelda?

 Imbagħad insibu lil Mapansha fin-novella Il-Ġrajja tal-Kelba li Ħabbet Tajra. Kemm hija unika l-imħabba ta’ bejn it-tajra u l-kelba! Sa fejn il-moħħ jista’ jiddeċifra, huwa qatt possibbli li tajra tieħu grazzja ma’ kelba? Kif il-kittieb iqegħedha, iva, u ħafna. Lil hinn mill-metafora, il-qarrej huwa mħeġġeġ biex jemmen, jibqa’ bit-tama, jemmen fl-imħabba pura u safja. Estetikament, is-sbuħija, kif jgħidu, mhix għal kulħadd l-istess. Dan japplika kemm għat-tajra kif ukoll għall-kelba f’dan il-każ, u mhux għall-bnedmin biss. Bħala bnedmin, li nħossu, nistgħu nitgħallmu bil-bosta minnha din in-novella.

Insibu wkoll lil James fin-novella Il-Qamar kien se jegħreq f’dak il-Lejl. James iħobbu wisq il-qamar, iħossu wisq miġbud lejh, u ma jafx għaliex. Imma l-qamar huwa tabilħaqq il-qamar kif nafuh aħna? U x’tifsira jista’ jkollha l-ħolma li kien qiegħed ikollu James; ħolma li, ħaġa tal-iskantament, titkompla u tiżdied lejl wara lejl? Fl-aħħar James isibha t-tweġiba li kien tant jixtieq? 

Hija din l-isbuħija murija fl-imħabba sinċiera u sabiħa li tinħass għaddejja f’kull paġna ta’ dan il-ktieb li lid-dinja tagħmilha dik li hi, dinja sabiħa, dinja aħjar, post ta’ paċi u mħabba, rispett u ġentilezza, dinja fejn l-iżolazzjoni u d-diqa tal-qalb jistgħu jiġu minimizzati. Kif tkun id-dinja jekk l-ebda sentiment imsemmi f’kull waħda minn dawn in-novelli ma jkunx jeżisti? Tkun dinja traġika għall-aħħar. Il-ħażin hemm jinsab. Imma l-ħażin jista’ jintgħeleb, bir-rieda soda, u l-imħabba. 

Il-qarrej għaldaqstant huwa mistieden li jibda vjaġġ emozzjonali, li jista’ jrawwem sens ta’ empatija u fehim li jmur lil hinn mill-kelma miktuba.

Il-ktieb se jkun għall-bejgħ waqt il-Fiera Nazzjonali tal-Ktieb li se ssir fil-bidu ta’ Novembru, u mill-ħwienet ewlenin tal-kotba.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport