Friday, May 9, 2025

“L-aħwa Maksar riedu jeħilsu mill-Avukat Carmel Chircop” – Vince Muscat, il-Koħħu

Aqra wkoll

Vince Muscat, magħruf bħala l-Koħħu, xehed fil-Qorti kif l-aħwa Robert u Adrian Agius magħrufa bħala Ta’ Maksar “riedu jeħilsu mill-Avukat Carmel Chircop.”

Huwa kien qed jixhed fil-ġuri li għaddejjin erba’ persuni b’rabta mal-omiċidju ta’ Chircop li seħħ f’Ottubru tal-2015 u l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia f’Ottubru tal-2017. L-akkużati huma l-aħwa Robert u Adrian Agius, Jamie Vella u George Degiorgio magħruf bħala ċ-Ċiniż. 

Filwaqt li l-aħwa Agius, Vella u Degiorgio jinsabu akkużati b’reati relatati mal-omiċidju tal-Avukat Chircop, Robert u Jamie jinsabu akkużati wkoll li fornew il-bomba li qatlet lil Daphne Caruana Galizia. Huma qed iwieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom.

Vince Muscat beda billi talab apoloġija lill-familjari taż-żewġ vittmi. Huwa mbagħad semma kif f’Settembru tal-2015, kien mar fit-Tinda tal-Patata fil-Marsa, għall-ħabta tad-9.00 a.m. “Kont immur hemm kuljum. George Degiorgio kien qalli li kienu ġejjin l-aħwa Maksar. George kien qalli għalfejn kienu ġejjin… riedu lill-Avukat Chircop mejjet. Wara xi siegħa, ġew l-aħwa u bdejna nitkellmu. Semmejna l-flus. Kienu se jtuni €20,000,” qal Muscat.

Spjega li kien miftiehem li l-persuni li “kellhom iwettqu dan id-delitt” kellhom ikunu hu stess, George Degiorgio u Jamie Vella. Dwar il-mottiv, Muscat qal li dan kellu x’jaqsam ma’ somma ta’ kważi €800,000 mislufa mill-Avukat Chircop fuq villa li kienet tiswa ħafna flus li kienet ta’ wieħed mill-aħwa Maksar. 

Muscat qal li wara xi żmien, l-aħwa kienu jiġu b’mod aktar frekwenti u Adrian Agius kien iħeġġu biex iħaffu l-pass fuq il-qtil ta’ Chircop: “Ejja ħa neħilsu”. Kull darba li Muscat kien jarah, Agius kien isemmih. Muscat kien iwieġbu biex ikellem lil George Degiorgio.

Xi jiem jew ġimgħat qabel id-delitt, Muscat jgħid li kien imur mal-aħwa Agius biex isegwu lill-Avukat Chircop fosthom fil-waterfront tal-Birgu meta kien qed jiekol ma’ martu.

Muscat spjega wkoll dwar fejn kien jinsab il-garaxx ta’ Chircop f’Birkirkara. Skont Muscat, Robert Agius u George Degiorgio kien irnexxielhom isibu liema kien il-garaxx tiegħu waqt waħda mill-ħarġiet “ta’ sorveljanza”.

F’ġurnata minnhom, għall-ħabta tal-5.00 a.m., Muscat qal li kien flimkien ma’ Jamie Vella u George Degiorgio u saqu lejn il-kumpless ta’ garaxxijiet b’karozza misruqa. Huma kienu pparkjaw quddiem struttura fejn kien hemm tieqa.

Qal li Jamie Vella kien ħareġ mill-karozza u beda jispija lil Chircop mit-tieqa. Dan filwaqt li Muscat u Degiorgio baqgħu fil-karozza. Kien b’hekk li saru jafu liema kien il-garaxx ta’ Chircop.

Il-Prosekuzzjoni mbagħad staqsiet dwar il-pjan tal-qtil, bix-xhud jgħid li l-pjan kien li jisparaw fuq Chircop kmieni filgħodu qabel imur għax-xogħol. Qal li skont il-pjan, “Jamie Vella kellu jispara fuq Chircop filwaqt li George Degiorgio jsuq il-karozza.” Vince Muscat kellu jibqa’ fuq is-seat ta’ wara.

Qabel seħħ id-delitt, Muscat flimkien mal-allegati eżekuturi l-oħra marru jispezzjonaw iż-żona biex ikunu jafu minn fejn għandhom joħorġu biex ikunu ċerti wkoll li ma kienx hemm toroq oħra magħluqa. 

Muscat żied jgħid li Adrian Agius kien partikolarment “ħerqan” li jseħħ dan il-qtil. Qal ukoll li l-aħwa Agius ma kellhomx għalfejn ikunu infurmati bil-pjan tal-qtil għax għalihom l-importanti kien “li jeħilsu minnu”.  Ix-xhud sostna wkoll li Vella kellu “l-gutz li jispara” u li kien “kapaċi jispara sew”. 

Mistoqsi għalfejn kienu għażlu t-8 ta’ Ottubru 2015 bħala l-jum li fih kellu jseħħ id-delitt, huwa wieġeb li “ma jafx”. Qal li dakinhar huwa kien mar għal George Degiorgio, għall-ħabta tal-5.00 a.m. bil-karozza tiegħu. Minn hemm saqu lejn Santa Venera, għaddew għal Jamie Vella u saqu lejn garaxx fl-istess lokalità fejn kienet tinsab il-karozza misruqa. 

Ix-xhud qal li George Degiorgio kien saq din il-karozza filwaqt li huwa poġġa fuq is-seat ta’ wara filwaqt li Jamie Vella kien maġenbu, wara s-sewwieq. Muscat u Vella kienu libsin balaklavi suwed filwaqt li George Degiorgio libes beritta u bandana li tgħattilu nofs wiċċu.

Muscat qal li meta waslu fil-kumpless ta’ garaxxijiet f’Birkirkara, Jamie Vella ħareġ mill-karozza biex jara jilmaħx lil Chircop. Meta rah ġej, Vella daħal lura fil-karozza u qalilhom li “ġej”.

George Degiorgio kien ipparkja l-karozza mal-ħajt quddem il-garaxx ta’ Chircop. Ix-xhud qal li meta wasal Chircop, dan niżżel il-bagalja li kellu f’idu biex jiftaħ il-garaxx. Degiorgio dawwar il-karozza biex Jamie Vella jkun quddiemu.

Muscat jgħid li l-vittma kien ftit metri bogħod meta Jamie Vella beda jispara fuqu. “Jiena ma ħaristx iżda smajt it-tiri u bqajna sejrin,” qal ix-xhud. 

Muscat stqarr li sema’ minn tal-inqas aktar minn erba’ tiri u wara saqu lejn il-Ħamrun u lura lejn il-garaxx f’Santa Venera. Jgħid li f’ħin minnhom neħħew il-balaklavas iżda hu u Jamie baqgħu wiċċhom baxxut il-ħin kollu. 

Meta waslu fil-garaxx f’Santa Venera, huma ħallew il-karozza hemm u rikbu fil-vettura ta’ Muscat. Qal li xi ħadd kien ħeba l-arma f’dan il-garaxx iżda ma jiftakarx min kien, hux George jew Jamie. Huma telqu flimkien u saqu lejn l-appartament ta’ Jamie Vella li kien jinsab viċin il-garaxx.

Fl-appartament, Vella daħal jinħasel u Degiorgio u Muscat biddlu ħwejjiġhom. Huma kienu poġġew dawn il-ħwejjeġ f’boroż taż-żibel u ramewhom qrib skola f’Santa Venera fejn kien hemm ħafna boroż oħra. Imbagħad Muscat qal li wassal lil Degiorgio ħdejn il-karozza tiegħu fil-Ħamrun u minn hemm infirdu. 

Muscat kompla jispjega li huwa, Degiorgio u Vella kien qablu li kellhom jitħallsu €20,000 mill-aħwa Maksar, b’€5,000 minnhom jingħataw bil-quddiem. Qal li l-aħwa Agius kienu taw il-flus lil Degiorgio li mbagħad qasam il-flus bejniethom. €10,000 oħra kienu ngħataw lil Muscat minn Degiorgio ftit jiem wara l-qtil. 

Imbagħad, Degiorgio kien ċempel lil Muscat biex jgħidlu li Robert Agius se jagħtih il-€5,000 l-oħra u fil-fatt Agius kien tah il-flus ġurnata wara din it-telefonata. 

Huwa stqarr ukoll li xi żmien wara l-omiċidju, Robert u Adrian Agius kienu reġgħu niżlu ħdejhom fit-Tinda tal-Patata fil-Marsa. Dawn kienu qalulhom li “Adrian Agius kien ġie arrestat b’rabta mad-delitt iżda baqa’ sod u ma tkellimx mal-pulizija.”

Il-ġuri jkompli. 

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Godwin Cini, Danika Vella u Anthony Vella mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

L-Avukat Nicholas Mifsud qed jidher għal Adrian Agius, l-Avukati Ishmael Psaila u Amadeus Cachia qed jidhru għal Jamie Vella filwaqt li l-Avukati Alfred Abela u Rene Darmanin qed jidhru għal Robert Agius.

L-Avukati Noel Bianco u Leslie Cuschieri qed jassistu lil George Degiorgo. 

L-Avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia qed jidhru għall-familja Caruana Galizia filwaqt li l-Avukat Vince Galea qed jidher għall-familja Chircop. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport