Friday, June 13, 2025

L-AI BĦALA GĦODDA KONTRA T-TRAFFIKAR UMAN

Aqra wkoll

Eluf ta’ rġiel, nisa u tfal madwar id-dinja ta’ kull sena jispiċċaw f’idejn it-traffikanti għal skopijiet diversi. Ħafna drabi dan iseħħ billi jiġu mqarrqa biex jemmnu li qed jingħataw opportunità li jsibu ħajja aħjar f’pajjiż ieħor u b’hekk ikollhom futur isbaħ għalihom u għall-familji tagħhom.

Hemm ħafna modi kif dawn in-nies innoċentament jaqgħu fin-nassa u jiġu traffikati f’ambjenti li lanqas biss ikunu ħolmu bihom. Iżda r-riżultat huwa l-istess, jitilfu d-drittijiet u l-identità tagħhom u jisfaw użati u abbużati. Din il-problema nirrikonoxxu li hija waħda globali, li mhix inqas minn problemi oħra bħal traffikar ta’ drogi. 

In-nies traffikati huma sfurzati jaħdmu, xogħol iebes jew prostituzzjoni, u ġeneralment jittiħdulom l-identità u d-dokumenti tagħhom u jiġu mwissija b’pieni kbar jekk jittantaw jitilqu jew jaħarbu. Ħafna drabi dawn in-nies jispiċċaw f’pajjiżi mhux familjari għalihom, fejn ma jafux il-lingwa u m’għandhomx mod kif jiksbu l-għajnuna. 

Fuq bażi lokali, meta nitkellmu dwar dan is-suġġett, ma nistgħux ma nagħmlux referenza għall-għajnuna li l-Gvern qiegħed jagħti lil vittmi ta’ diversi forom ta’ traffikar uman. U ta’ min wieħed ifakkar ukoll fl-istrateġija nazzjonali kontra t-traffikar tal-bnedmin li l-Gvern nieda s-sena li għaddiet. 

Konxji tal-kobor ta’ din il-problema, dan l-aħħar f’pajjiżna ttellgħet konferenza ta’ livell għoli bħala parti mill-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Ewropa li trattat proprju dan is-suġġett u dwar kif l-Intelliġenza Artifiċjali (AI) tista’ tkun għodda effettiva fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin. 

Huwa minnu li dawn l-għodod teknoloġiċi jistgħu jservu biex isaħħu l-kordinazzjoni fuq livell nazzjonali u internazzjonali fil-ġlieda kontra t-traffikar uman, għall-protezzjoni tal-vittmi u għal prosekuzzjoni tat-traffikanti tal-bnedmin. Iżda tajjeb nixtarru dak li qalet is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg f’din l-istess konferenza illi l-użu etiku tal-AI għandu jsir b’rispett sħiħ lejn id-drittijiet tal-bnedmin u lejn id-dinjità tal-vittmi. 

Kull referenza għal dawn il-vittmi m’għandhiex tkun tebgħa fuqhom imma għandha sservi biex jiġu mnaqqsa t-tbatijiet li jkollhom għaddejjin minnhom dawn il-persuni. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport