L-Intelliġenza Artifiċjali qed tfassal mill-ġdid il-postijiet tax-xogħol tagħna b’rata mgħaġġla u ġġib magħha ħafna opportunitajiet għall-innovazzjoni u t-tkabbir iżda wkoll qed iġġib magħha sfidi serji għad-drittijiet, l-impjiegi u l-ħiliet tal-ħaddiema. Il-missjoni tagħna f’TransFormWork 2 hija li niżguraw li din it-tranżizzjoni tkun ġusta, inklużiva, u tpoġġi lin-nies fiċ-ċentru tagħha.
Dan iddikjarah is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers Union Josef Bugeja f’diskors hekk kif il-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija ta’ Malta ospitat rappreżentanti minn seba’ pajjiżi Ewropej għat-tielet Roundtable Ewropea taħt il-proġett TransFormWork 2. B’kollaborazzjoni mal-General Workers Union (GWU) u l-Malta Business Bureau (MBB), dan l-avveniment esplora l-opportunitajiet u l-isfidi li toħloq l-Intelliġenza Artifiċjali (AI) fil-postijiet tax-xogħol.
Avveniment f’pajjiżna mtella’ fuq jumejn, fejn fit-tieni ġurnata r-rappreżentanti ġew milqgħuha fil-Workers’ Memorial Building fejn tkomplew id-diskussjonijiet.

Is-Segretarju Ġenerali enfasizza li l-General Workers Union ingħaqdet ma’ dan il-proġett għax jafu li flimkien biss jistgħu nindirizzaw l-impatti tal-IA u jsawwru futur ġust għax-xogħol. Irrimarka li; “irridu nisfruttaw l-IA biex intejbu l-ħajja tax-xogħol billi noħolqu opportunitajiet ġodda ta’ xogħol, arranġamenti innovattivi ta’ xogħol u kundizzjonijiet aħjar filwaqt li nipproteġu lill-ħaddiema mir-riskji tat-teknoloġija li joħolqu t-teknoloġiji emerġenti”.
Fid-diskors tiegħu, Bugeja saħaq; “irriċerkajna b’mod attiv l-impatt tal-IA fuq il-postijiet tax-xogħol Maltin permezz ta’ sħubijiet u stħarriġ estensiv fl-industriji u s-setturi ekonomiċi kollha. Dawn se jiżguraw li l-vuċijiet tal-ħaddiema jinfluwenzaw l-istrateġiji tal-IA ta’ Malta. Meta l-kumpaniji jintroduċu għodod tal-IA, ninsistu fuq konsultazzjoni minn qabel u taħriġ komprensiv biex nagħtu s-setgħa lill-ħaddiema”.

Tenna li f’era ta’ bidla teknoloġika kostanti, qed issir talba sabiex il-mekkaniżmi ta’ djalogu soċjali b’saħħithom, inklużi negozjati u dispożizzjonijiet speċifiċi għall-IA isiru bi ftehimiet kollettivi li jipproteġu s-sigurtà tax-xogħol, il-privatezza tad-dejta u l-ġustizzja fuq l-ammont ta’ xogħol.