Minn setturi tal-manifattura sal-loġistika, għas-servizzi u l-customer care, l-awtomizzazzjoni waslet għal produzzjoni akbar minn numru inqas ta’ ħaddiema. Bl-introduzzjoni tal-Intelliġenza Artifiċjali, li f’pajjiżna dieħla ġmielha wkoll, it-theddida fuq l-impjiegi hija aktar mifruxa.
Fost dawn il-ħaddiema hemm il-ġurnalisti li, bl-iskuża li l-AI se ttejjeb l-effiċjenza, hemm periklu li jkunu ssostitwiti bi produzzjoni ta’ kitba awtomatika. Periklu li jieqaf l-investiment fil-ħaddiem li jinvestiga, jistaqsi u jirrapporta l-verità, verità li hija pilastru ewlieni ta’ soċjetà demokratika u ġusta.
Il-ġurnaliżmu huwa professjoni importanti. Dan ma twelidx ilbieraħ jew għal xejn b’xejn. Twieled fi ġlieda tal-ħaddiema u kien dejjem ta’ reżistenza kontra l-abbuż tal-poter, kontra l-isfruttament u kontra s-skiet impost. Kien mezz biex iċ-ċittadini jkollhom vuċi u biex min jiddeċiedi jkun mistoqsi. Professjoni li dejjem iddefendiet id-dinjità tax-xogħol u lill-vulnerabbli.
Illum, quddiem l-avvanz mgħaġġel tal-AI, qiegħda tintuża skuża qadima f’libsa ġdida. Jingħad li l-AI se “ttejjeb l-effiċjenza”, li se “tgħin lill-midja”, li se “tevita xogħol ripetittiv”. Iżda, il-ħaddiema jafu sew x’jiġri meta jingħad dan it-tip ta’ kliem – inqas nies, aktar xogħol, inqas ħarsien u aktar pressjoni. Hawn m’aħniex infajru l-kliem bl-addoċċ.
Din is-sitwazzjoni diġà rajniha f’diversi setturi u fil-futur viċin se naraw l-AI tespandi u “tibla’” setturi oħra. It-twissijiet ġew minn dawk li ħolqu l-AI stess u l-protesti mill-ħaddiema f’pajjiżi barranin li diġà qegħdin jingidmu, huma prova ta’ kemm din it-theddida hija reali.
Biex il-problema taċċenwa ruħha, f’Malta ma tantx għad fadal ġurnalisti. Dawk il-ftit li fadal qegħdin iġorru piż enormi b’sigħat twal ta’ xogħol, pressjoni kontinwa, disponibbiltà kważi bla limiti u pagi li ħafna drabi ma jirriflettux is-sagrifiċċji kbar li jagħmlu kemm fuq bażi personali kif ukoll familjari.
Sagrifiċċji li rari huma rikonoxxuti u apprezzati. Illum il-ġurnata l-ġurnaliżmu sar professjoni mimlija sfidi. Nemmnu li l-aħħar daqqa tkun jekk l-AI tintuża biex ma jsirx investiment fin-nies. Investiment meħtieġ biex il-ġurnalist ma jitwarrabx fil-ġenb ħalli jkunu ffrankati l-flus.
Din hija realtà li l-ħaddiema huma konxji tagħha iżda jħossuhom bla kontroll għal dak li ġej għalihom. Mhuwiex aċċettabbli li f’isem il-progress nintroduċu mudell fejn teknoloġija tintuża biex tkopri nuqqas ta’ kuraġġ u ta’ responsabbiltà. Mhuwiex aċċettabbli li jsir investiment biss fil-kwantità u mhux fil-kwalità. Lanqas mhuwa aċċettabbli li sagrifiċċju uman jiġi trattat bħala ħsara kollaterali.
It-teknoloġija minnha nnfisha mhiex il-vera theddida. Huwa l-mod kif u għala tintuża. Fid-dinja tax-xogħol it-teknoloġija għandha sservi lill-ħaddiem u mhux tisfruttah. Nemmnu li dan il-prinċipju għandu japplika wkoll u b’mod qawwi, fil-midja.
Għax mingħajr ġurnalisti protetti, rispettati u indipendenti, lanqas id-demokrazija ma tkun protetta. Hawn jidħol ir-rwol tal-unjins biex jiddefendu wkoll lil dawn il-ħaddiema kontra xogħol perkarju u jħarsu d-drittijiet u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom.
Huwa importanti li niffaċċjaw din l-isfida għax din hija ġlieda attwali u se tkompli tiggrava għada pitgħada. Importanti għax meta l-ġurnalist isir sostitwibbli, il-kontroll fuq il-poter jiddgħajjef.
Meta l-investigazzjoni titnaqqas għal proċess awtomatiku, il-verità ssir negozjabbli u meta l-ħaddiem tal-pinna teħodlu l-pinna, il-ħaddiema l-oħra u s-soċjetà in ġenerali jispiċċaw bla vuċi. In-nies t’hemm barra ma jixraqilhomx prodott awtomatiku imma l-verità sagrosanta. Verità li biss ġurnalisti veri, mimlija kuraġġ u mħabba għal din il-professjoni, kapaċi jwasslu.

