Sunday, December 22, 2024

L-Air Malta ordnata tħallas €80,000 lil kaptan għal tkeċċija inġusta

Id-differenza bejn kemm daħħal bħala bdot tal-Air Malta f’sena li kien €112,000’sena u s-salarju ma’ Wizz Air ta’ €31,600

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Bdot tal-Air Malta li kien ilmenta li kien ġie mkeċċi inġustament mill- impjieg tiegħu għax ingħata s-sensja meta hu qed jallega li ma kellux ikun inkluż fil-list ta’ 69 bdot issensjati skond l-informazzjoni mgħotija mill-kumpanija, ingħata €80,000 f’kumpens f’deċiżjoni mit-Tribunal Industrijali. Dan il-kumpens hu d-differenza bejn is-salarju ta’ sena li kellu mal-Air Malta u s-salarju ta’ sena ma’ Wizz Air li będą jaħdem magħhom wara. It-tribunal jispjega li f’sena mal-Air Malta qala €112,294 u f’sena mal-Wizz Air sala €31,600 bis-differenza tkun €80,694.

It-tribunal jgħid li l-kaptan Matthew Degiorgio kien impjegat mal-Air Malta plc bħala Junior First Officer fis-sena 2001. Sussegwentement, il-kariga tiegħu mal-kumpanija nbidlet għal dik ta’ First Officer fis-sena 2002 u reġgħet inbidlet għal grad ġdid ta’ Captain/Commander fis-sena 2018. Intqal li fis-sena 2020 il-kumpanija Air Malta ġiet milquta każin ħafna mill-pandemija tal-Covid 19 tant li wasslet għal xhur fejn it-titjiriet kummerċjali kienu projbiti kif ukoll kien hemm nuqqas drastiku ta’ passiġġieri. Nhar it-12 ta’ Marzu, 2020 bdew deħlin ir-restrizzjonijiet statutorji li llimitaw l-ivvjaġġar. Fit- 18 ta’ Marzu tas-sena 2020 il-kumpanija ħabbret li mill-20 ta’ Marzu kienet sa tissospendi s-servizzi tagħha ta’ l-ajru.

It-trbiunal jgħid li nhar l-24 ta’ Marzu, 2020 il-kumpanija għajtet laqgħa mar- rappreżentanti tal-unjins kollha biex jiġu diskussi miżuri temporanji. Dakinhar, l-kumpanija kienet ipproponiet miżuri li kienu jimmitigaw il-piż finanzjarju li sabet ruħha fiha l-kumpanija. L-għada fil-25 ta’ Marzu, l-Air Malta għarfet b’dawn il-miżuri lid-DIER u anki li dawn il-proposti kienu ukoll maqbula mal-unjins. Nhar it-28 ta’ Marzu, 2020 l-ALPA kitbet lid-DIER tiċħad li kien hemm xi qbil bejn l-assoċjazzjoni u l-Air Malta dwar il-proposti tal-kumpanija. Saret laqgħa bejn il-maniġment tal-kumpanija u l-ALPA u f’din il-laqgħa ġew diskussi diversi pendenzi imma l-ALPA insistiet li l-miżuri tal-Air Malta kellhom jinkwadraw ruħhom ukoll fl-isfond ta’ garanzija ta’ xogħol li l-Gvern ta’ Malta kien ta lil ALPA permezz ta’ ittra datata 26 ta’ Jannar.

Fis-7 ta’ April, 2020 l-Air Malta kienet innotifikat lil ALPA kif ukoll lid-Direttur Generali tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjiegi, bil-ħsieb tagħha li tiddikjara sensji kollettivi. Permezz ta’ tali avviż l-Air Malta kienet ddikjarat li kienet bi ħsiebha tittermina l-impjieg ta’ 108 bdoti. Minn dak il-jum skattaw l-ewwel 30 jum ta’ konsultazzjoni ma’ l-ALPA.
Ingħad li saru diversi laqgħat bejn id-9 ta’ April, 2020 u l-1 ta’ Ġunju 2020 bejn l-ALPA u r- rappreżentanti tal-kumpanija. Fl-20 ta’ April, l-ALPA għamlet protest ġudizzjarju kontra l-Air Malta dwar dak li ssejjaħlu nuqqas ta’ atteġġjament serju u effikaċi fin-negozjati. Nhar il-5 ta’ Ġunju, l-Air Malta avżat li 69 bdot inkluż lill-kaptan Degiorgio li l-impjieg tagħhom kien se jiġi tterminat b’effett minn nofs il-lejl u minuta ta’ nhar it-8 ta’ Ġunju tas-sena 2020. L-ALPA għamlet mandat ta’ inibizzjoni fil-konfront tal-Air Malta biex temporanjament twaqqaf is-sensji. Ġara iżda li nhar it-8 ta’ Ġunju, ġew in effett is-sensji kollettivi ta’ 69 bdot.

It-Tribunal fid-deċiżjoni tiegħu qal li “ħares lejn l-impenn tal-kaptan biex isib xogħol alternattiv u mill-atti jidher li xtaq ikun wieħed mill-bdoti sħabu li bħalhom jingħażel biex jaħdem ma’ Med Air imma ma’ intagħzilx. Ipprova ukoll jaħdem mal-Malta Transport fejn bdoti oħra kollegi kienu ingaġġati imma r-rikorrenti għal darba oħra ma kienx magħżul. Minkejja dan il-kaptan kien bagħat diversi applikazzjonijiet għal pożizzjonijiet fis-suq tax-xogħol u żamm kuntatt kontinwu mal-Jobs Plus għal xi opportunità valida għalih imma bla suċċess. F’dan il-perjodu hu anki beda kors ta’ studju biex iwessa’ l-opportunitajiet għalih. Finalment sab xogħol ta’ bdot mal-WIZZ AIR li għalkemm ma kienx joffri l-istess kundizzjonijiet vantaġġużi li kellu mal-Air Malta kien jirrispekkja il-professjoni ta’ bdot u l-ħiliet li għalihom kien imħarreġ. L-appellant ħa din l-opportunita’ li waslet f’Settembru tas-sena 2021. It-Tribunal jemmen li kieku din l-opportunità ġiet qabel kien jeħodha qabel ukoll. Il-ftuħ ta’ l-applikazzjonijiet għal bdoti, mis-soċjetà’ appellata, sena u nofs wara li ingħataw is-sensji ġiet tard wisq biex ħaddiem professjonali li sadanittant integra ruħu ma’ kumpanija oħra, jikkonsidrahom. Fiċ-ċirkostanzi, l-kaptan, għamel dak li ħaddiem għaqli u li jħares l-iżvilupp tal-karriera tiegħu kien jagħmel”, jgħid it-Tribunal.

Ekonomija

Sport