L-ivvjaġġar bl-annimali tad-dar abbord it-titjiriet tal-Air Malta sar aktar faċli bil-ħruġ ta’ funzjoni online ġdida fuq airmalta.com li tippermetti bbukkjar ta’ vjaġġi għall-qtates u l-klieb.
L-ivvjaġġar bl-annimali tad-dar sar dejjem aktar popolari bl-Air Malta ġġorr aktar minn 2,500 annimal tad-dar kull sena, li 2,000 minnhom jinġarru fil-kabina.
Il-funzjoni online l-ġdida hija waħda mill-aħħar prodotti u servizzi anċillari online mnedija mill-Air Malta li għandhom l-għan li jwasslu esperjenza mtejba lill-klijent.
Il-funzjoni l-ġdida hija disponibbli bħala parti mill-proċess ta’ bbukkjar ta’ titjira u tagħti fiduċja lill-klijenti li l-annimali tad-dar tagħhom jiġu kkonfermati meta jsir l-ibbukkjar.
Dan it-titjib jifforma parti minn sensiela ta’ inizjattivi wiesgħa li għandhom l-għan li jittrasformaw l-ekosistema diġitali tal-linja tal-ajru li bdew bit tnedija mill-ġdid tas-sit web tal-Air Malta aktar kmieni din is-sena.
Fil-kabina tal-ajruplan jistgħu jinġarru biss qtates u klieb li jiżnu sa 10 kilogrammi inkluż il-kontenitur. Qtates u klieb akbar u annimali tad-dar oħra jistgħu jinġarru fl-istiva tal-ajruplan. Aktar informazzjoni hija disponibbli hawnhekk: airmalta.com/mt-mt/flight-extras/ivvjaggar-bl annimali-domestici . Termini u kundizzjonijiet japplikaw.