Tuesday, December 24, 2024

L-Air Malta Tniedi Sit u ‘Booking Engine’ Ġodda

Aqra wkoll

L-Air Malta nediet mill-ġdid is-sit popolari tagħha airmalta.com, u aġġornat il-‘booking engine’ tagħha fuq l-internet bħala parti minn firxa wiesgħa ta’ inizjattivi biex tittrasforma l-ekosistema diġitali tagħha.

B’disinn u tqassim tan-navigazzjoni sempliċi, intuwittiv u modern, is-sit huwa ottimizzat għal użu aktar facli b’komponenti ta’ personalizzazzjoni skont il-preferenzi tal-klijent, bħall-pajjiż ta’ residenza u l-lingwa preferuta. Is-sit u l-‘booking engine’ issa huma kompletament integrati mal-pjattaforma tal-immaniġjar tar-relazzjonijiet mal-klijenti tal-linja tal-ajru, u dan jagħti lil Air Malta dehra kompluta tal-klijenti online tagħha.  Dan il-proċess jgħin sabiex jinħolqu offerti personalizzati u l-klijenti jigu offruti l-aħjar nollijiet skont ix-xiri preċedenti u l-preferenzi tal-ibbukkjar.

Permezz tad-disinn il-ġdid tiegħu, is-sit joffri lill-klijenti firxa ta’ kapaċitajiet u servizzi addizzjonali li jinkludu karatteristiċi biex tippjana l-btala, timmaniġġja l-booking, tagħmel check-in online u tixtri oġġetti anċillari inklużi prodotti mill-menù ta l-ikel offrut abbord u oġġetti mill-Boutique li jiġu kkonsenjati abbord. Is-sit jippermetti wkoll li l-klijenti jikru karozzi, jibbukkjaw akkomodazzjoni f’lukanda f’Malta, jixtru titjiriet fin-network kollu tal-Linja tal-ajru li jinkludu kumpaniji oħra ta l-ajru affiljati ma l-Air Malta kif ukoll pakketti ta’ btajjel permezz ta’ ‘Air Malta Holidays’.

Meta kkummenta dwar din it-tnedija, iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Air Malta, David G. Curmi qal, “Bi pjaċir kbir qed inħabbru t-tnedija tas-sit web tagħna ġdid. Wara xhur ta’ ħidma intensiva u dedikazzjoni, aħna kuntenti li qegħdin nipprovdu sit li jipproċessa d-data b’ħeffa, aktar intuwittiv u li joffri navigazzjoni w użu aktar faċli għall-klijent. Is-sit jinkorpora dehra u karatteristiċi ġodda li se jtejbu l-esperjenza ġenerali kemm jekk wieħed jaċċessah minn desktop jew minn tablet kif ukoll minn mobile.  Din il-pjattaforma issa se tippermettilna li fix-xhur li ġejjin inniedu l-ewwel Mobile App tagħna u Programm ta’ Lealtà li se jkun ddisinjat mill-ġdid.”

L-Kap Kummerċjali tal-Air Malta Roy Kinnear żied, “Illum is-servizzi online saru għodda indispensabbli biex wieħed juri l-prodotti u s-servizzi tiegħu u biex jiġi ffaċilitat il-bejgħ. L-għan ta’ dan il-proġett kien wieħed sempliċi: li joffri esperjenza eċċellenti lill-klijent meta wieħed jibbrawżja u jibbukkja permezz tas-sit tagħna. Ridna li s-sit ikun l-aħjar fost il-kategorija tiegħu, b’navigazzjoni sempliċi u ċara billi nippersonalizzaw l-esperjenza tal-klijent permezz ta’ kontenut u offerti xierqa.

“Is-sit jintroduċi l-Gżejjer Maltin fit-taqsima tiegħu “Skopri” li hija mimlija b’artikli u informazzjoni interessanti dwar il-Gżejjer Maltin. Din it-taqsima tinkludi wkoll l-edizzjoni diġitali tar-rivista t’abbord tal-Linja ta l-ajru ‘Il-Bizzilla’ li toħroġ ta kull xahar, żied jgħid is-Sur Kinnear.

Wayne Grixti, l-Kap tat-Teknoloġija tal-Air Malta żied, “Id-diġitalizzazzjoni u l-immodernizzar huma strateġikament importanti għal-Linja tal-ajru fil-vjaġġ tagħha biex issir sostenibbli. L-għan ewlieni tagħna huwa li nisfruttaw it-teknoloġija biex nipprovdu lil-Linja tal-ajru b’sett ta’ għodod meħtieġa sabiex fl-aħħar mill-aħħar inservu lill-klijenti tagħna f’ambjent diġitali sigur u nagħmlu l-esperjenza tagħhom online waħda unika. Din l-inizjattiva tal-ekosistema diġitali hija prova li l-ħsieb tal-Air Malta huwa li l-klijent jiġi l-ewwel”.

airmalta.com jattira madwar 5 miljun viżitatur fis-sena. Is-sit huwa disponibbli f’seba’ lingwi (il-Malti, l-Ingliż, il-Ġermaniż, it-Taljan, il-Franċiż, ir-Russu u l-Olandiż).

L-applikazzjoni ta’ teknoloġiji ġodda se tiffaċilita aġġornamenti futuri inklużi esperjenza ta’ check-in unifikata, l-integrazzjoni tal-programm ta’ lealtà, ħanut online għal prodotti anċillari, portal B2B u Mobile App.

Ekonomija

Sport