Monday, January 26, 2026

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta bi proġett ta’ air terminal sal-2028

Il-Prim Ministru jinnota l-pjanijiet tal-privat f’investiment ieħor ta’ kwalità

Aqra wkoll

Waqt konferenza tal-aħbarijiet fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, fejn ġie mħabbar li daqs sentejn oħra, l-ajruport se jkollu air terminal ġdid ta’ 6,000 metru kwadru, il-Prim Ministru Robert Abela rrefera għat-trasformazzjoni li għaddejja fl-ajruport internazzjonali, liema trasformazzjoni qed issir b’investiment privat b’saħħtu u ta’ kwalità li qed ikun appoġġjat u sostnut mill-Gvern.

“Wara li s-sajf li għadda inawgurajna t-Terminal tal-Priority Guest, illum qed nidħlu fid-dettalji ta’ investiment ieħor ta’ importanza kbira, l-East Expansion. Dan il-proġett jirrifletti dak li nistgħu niksbu meta istituzzjonijiet pubbliċi u l-intrapriża privata jaħdmu flimkien,” qal il-Prim Ministru.

Huwa enfasizza l-importanza strateġika tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta bħala pilastru tal-progress nazzjonali. “Għal Malta, l-ajruport tagħna huwa aktar minn bieb li jgħaqqadna mad-dinja. Huwa mutur essenzjali tat-tkabbir ekonomiku, tat-turiżmu, tal-kummerċ u tal-impenn internazzjonali. Ħafna drabi, huwa l-ewwel u l-aħħar impressjoni li l-viżitaturi jieħdu magħhom, u għandu rwol ċentrali f’kif nippreżentaw lilna nfusna lid-dinja,” żied jgħid Dr Abela.

Il-Prim Ministru Abela ddeskriva l-East Expansion bħala proġett ta’ sinifikat partikolari, li jagħmel parti minn impenn fit-tul lejn il-kwalità, ir-reżiljenza u t-tħejjija għall-futur. Huwa sostna li dan l-iżvilupp mhuwiex sempliċiment dwar l-espansjoni ta’ spazju fiżiku, iżda dwar it-titjib tal-istandards u ż-żieda fl-effiċjenza hekk kif pajjiżna jħejji ruħu għall-opportunitajiet li ġejjin.

Il-Prim Ministru nnota li dan il-proġett huwa allinjat mal-Viżjoni Malta 2050, il-qafas nazzjonali fit-tul li se jiġi uffiċjalment imniedi fil-ġimgħat li ġejjin, wara xhur ta’ konsultazzjoni nazzjonali. Il-Viżjoni Malta 2050 tagħti prijorità lill-avjazzjoni u lit-turiżmu filwaqt li tenfasizza l-importanza ta’ investiment intelliġenti fl-infrastruttura strateġika, konnettività internazzjonali aktar b’saħħitha, responsabbiltà ambjentali u kwalità ta’ ħajja dejjem aħjar għall-ġenerazzjonijiet futuri.

“L-East Expansion isaħħaħ l-istatus ta’ Malta bħala hub reġjonali u jikkonverti dawn il-prijoritajiet f’riżultati konkreti. Investimenti bħal dawn iwasslu messaġġ qawwi li Malta temmen fl-ippjanar bil-quddiem, fl-investiment infrastrutturali għall-ġenerazzjonijiet futuri u fil-kompetizzjoni b’kunfidenza fuq il-fora internazzjonali,” saħaq il-Prim Ministru Abela.

Fi tmiem il-konferenza, fil-preżenza tal-Kap Eżekuttiv tal-Ajruport Internazzjonali Alan Borg, il-Prim Ministru Robert Abela tenna l-impenn tal-Gvern li jkompli jappoġġja inizjattivi li jsaħħu l-konnettività u jattiraw investiment, li fl-istess waqt joħolqu karrieri ta’ kwalità għolja għall-ħaddiema Maltin u Għawdxin.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport