L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ġie kklassifikat fost l-aqwa ajruporti Ewropej li jilqgħu bejn 5 u 15-il miljun passiġġier annwalment għat-tmien sena konsekuttiva, fejn irċieva wkoll rikonoxximent speċjali għall-istandards tal-indafa tiegħu. Dan tħabbar minn Airports Council International (ACI) it-Tlieta.
Il-klassifika hija bbażata fuq stħarriġ imwettaq matul l-2025 fost kampjun rapreżentattiv ta’ passiġġieri qabel it-tluq tagħhom minn 383 ajruport madwar id-dinja li pparteċipaw fil-programm Airport Service Quality (ASQ) f’kategoriji differenti. Madwar terz minn dawn l-ajruporti kienu bbażati fl-Ewropa.
L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta sebaq il-medja Ewropea fil-31 indikatur li jintużaw f’dan l-istħarriġ sabiex ikejlu s-sodisfazzjon tal-passiġġieri b’kull parti tal-esperjenza tagħhom fl-ajruport. Dawn l-indikaturi jvarjaw mill-kwalità tas-sinjaletika fit-terminal sal-kortesija tal-istaff.
L-ajruport irċieva l-ogħla punteġġ, dak ta 4.60 minn 5, għall-proċess tal-iskrining tas-sigurtà, li ġie klassifikat ukoll mill-passiġġieri bħala t-tieni l-aktar kontributur importanti għal esperjenza pożittiva fl-ajruport. Is-sodisfazzjon tal-passiġġieri f’dan il-punt tal-vjaġġ tagħhom żdied sinifikattivament fuq is-sena 2024, wara li investiment reċenti fi scanners ġodda min-naħa tal-ajruport wassal għal titjib notevoli fil-ħeffa tal-iskrining tas-sigurtà.
“Il-feedback li jinġabar matul is-sena, sew permezz tal-ASQ jew inizjattivi oħrajn, jgħinna nifhmu aħjar l-aspettattivi tal-passiġġieri tagħna u naħdmu sabiex nisbquhom permezz ta’ titjib fil-faċilitajiet tagħna u taħriġ kontinwu. Naraw li l-informazzjoni li tinġabar permezz tal-istħarriġ tal-ASQ tasal għand l-impjegati u l-istakeholders kollha bħala mezz kif aħna nrawmu kultura ta’ eċċellenza madwar l-ajruport kollu,” qalet Jeanette Zammit, li hija inkarigata mill-esperjenza tal-passiġġieri fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
Għall-ewwel darba, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta rebaħ ukoll il-Premju għall-Indafa, wara li s-sodisfazzjon tal-passiġġieri bl-istandards tal-indafa madwar it-terminal, speċjalment fit-toilets, żdied sinifikattivament fuq l-2024. F’dan ir-rigward, l-ajruport irnexxielu jikseb punteġġi għoljin matul is-sena kollha, anki fl-aqwa tas-sajf, meta t-terminal kien qiegħed jintuża minn madwar 35,400 passiġġier kuljum. Il-punteġġ finali għall-indafa li kiseb l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kien ta’ 4.39, jiġifieri sinifikattivament ogħla mill-medja Ewropea ta’ 4.05.
“Meta nitkellmu dwar servizz eċċellenti rari niffukaw fuq it-tindif. Pero nafu li ambjent nadif huwa importanti sabiex il-passiġġieri tagħna jkollhom perċezzjoni tajba tal-ajruport u anki esperjenza pożittiva. Koordinazzjoni tajba bejn it-timijiet tat-tindif, skedi ta’ tindif li jkunu allinjati mat-traffiku tal-passiġġieri li jkun mistenni u monitoraġġ kontinwu jgħinuna nżommu standards ta’ sanità għoljin anki fl-aktar jiem impenjattivi tagħna,” qalet Rosemarie Barbara, li tieħu ħsieb it-tindif fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
Fl-aħħar mill-aħħar, sodisfazzjon għoli bid-diversi aspetti tal-esperjenza fl-ajruport wassal lill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta sabiex jikseb punteġġ globali ta’ 4.41 minn 5. Dan il-punteġġ kien ogħla minn dak miksub fl-2024 u anki mill-medja Ewropea ta’ 4.12.

