Sunday, November 24, 2024

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta jirkupra 84% tat-traffiku ta’ qabel il-pandemija f’Ġunju

Aqra wkoll

  • 603,532 passiġġier għaddew mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta f’Ġunju
  • Wara nuqqas ta’ seba’ xhur, Spanja reġgħet telgħet mal-aqwa ħamest iswieq tal-ajruport
  • In-numru ta’ passiġġieri sa nofs is-sena kien jammonta għal 2.3 miljun

ĦARSA LEJN ĠUNJU

It-traffiku tal-passiġġieri tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kompla juri sinjali ta’ rkupru, bin-numru ta’ passiġġieri ta’ Ġunju jkompli jnaqqas id-distakk li nħoloq mill-pandemija. Matul ix-xahar, li kien l-aktar wieħed impenjattiv għall-ajruport fir-rigward ta’ traffiku minn Ottubru 2019 ’l hawn, ġew irreġistrati 603,532 moviment tal-passiġġieri, jiġifieri rkupru ta’ 83.6% tal-livelli ta’ qabel il-pandemija.

Dan ir-riżultat inkiseb flimkien ma’ rkupru ta’ 80.8% fil-movimenti tal-ajruplani u rkupru ta’ 82.3% fin-numru ta’ postijiet disponibbli fuq it-titjiriet. Is-seat load factor (SLF) għal Ġunju żdied b’1.4% fuq l-istess xahar fl-2019 biex laħaq il-livell ta’ 85.5%. Żieda simili fis-SLF kienet ġiet irreġistrata wkoll f’Mejju 2022.

L-AQWA SWIEQ GĦAL ĠUNJU

F’Ġunju, is-sehem mis-suq tal-Italja kiber bi ftit meta mqabbel ma’ Mejju 2022, biex b’hekk dan is-suq baqa’ fil-quċċata tal-aktar swieq popolari tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. Ir-Renju Unit, Franza u l-Ġermanja wkoll żammew posthom mix-xahar ta’ qabel.

Min-naħa l-oħra, hekk kif is-suq Pollakk niżel fis-sitt post, Spanja telgħet fil-ħames post wara nuqqas ta’ seba’ xhur mil-lista tal-aqwa ħamest iswieq tal-ajruport. F’Ġunju, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta laqa’ l-ewwel titjira tal-linja tal-ajru Vueling minn Bilbao fit-Tramuntana ta’ Spanja, biex b’hekk id-destinazzjonijiet fi Spanja li jistgħu jintlaħqu permezz ta’ titjira diretta minn Malta telgħu għal ħamsa.

IT-TRAFFIKU SA NOFS IS-SENA

It-traffiku tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta sa nofs is-sena kien kważi ekwivalenti għat-traffiku kollu għas-sena 2021, li ngħalqet bi 2.5 miljun moviment tal-passiġġieri. Bejn Jannar u Ġunju 2022, għaddew mill-ajruport 2.3 miljun passiġġier, liema total isarraf fi rkupru ta’ 72.1% tat-traffiku ġestit fl-ewwel nofs tas-sena 2019.

Sport