Wednesday, March 18, 2026

L-Ajruport internazzjonali ta’ Malta jkompli jeleva l-esperjenza tal-passiġġieri permezz tal-arti u l-kultura

Aqra wkoll

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qed jimplimenta strateġija fit-tul għall-arti u l-kultura bil-għan li jkompli jarrikkixxi l-esperjenza fl-ajruport permezz ta’ spazji li jagħtu l-ħajja lill-patrimonju, il-kreattività u l-identità tal-Gżejjer Maltin.

Din l-inizjattiva qed tiġi implimentata bil-parteċipazzjoni tal-Kumitat għall-Arti tal-kumpanija li twaqqaf reċentament u li jiġbor flimkien impjegati minn dipartimenti differenti. L-istrateġista kulturali u konsulenta tal-arti Maria Galea, f’kollaborazzjoni mal-aġenzija ARTZ ID, qiegħda tmexxi l-istrateġija, biex b’hekk jiġi żviluppat qafas b’saħħtu u li jħares ’il quddiem għal programm kulturali għall-ajruport. Barra minn hekk, ser jiġi stabbilit Panel Konsultattiv dwar l-Arti sabiex jevalwa u jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu fir-rigward ta’ sejħiet miftuħin.

“Bħala l-ewwel u l-aħħar waqfa għat-turisti li jżuru l-gżejjer tagħna, għandna opportunità unika biex ngħinu nsawru l-perċezzjoni tagħhom ta’ Malta. Qed insiru dejjem aktar konxji li l-integrazzjoni ta’ elementi kulturali lokali tista’ tagħmel l-esperjenza fl-ajruport aktar awtentika, biex b’hekk jinħolqu mumenti aktar memorabbli u sinifikanti għall-viżitaturi tagħna.

“Poġġejna lin-nies tagħna fil-qalba ta’ din l-inizjattiva, għaliex nemmnu li ħadd daqshom ma għandu għarfien aħjar tal-ispazji tagħna, il-passiġġieri tagħna u l-viżjoni tagħna għall-ajruport,” qalet Tina Lombardi, Viċi President Ewlieni għall-Iżvilupp Kummerċjali u l-Istrateġija fi ħdan l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta diġà għandu kollezzjoni ta’ arti li tmur lura għas-sittinijiet u li tinkludi xogħlijiet minn uħud mill-aktar artisti prominenti ta’ Malta, fosthom Esprit Barthet u Alfred Chircop. Bl-istrateġija l-ġdida, din il-kollezzjoni se ssir aktar viżibbli u aċċessibbli għall-miljuni ta’ vjaġġaturi li jgħaddu mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, flimkien ma’ kummissjonijiet temporanji u permanenti li jiċċelebraw l-identità Maltija.

Il-programm se jibda bl-attivazzjoni ta’ spazju ddedikat għal xogħlijiet ta’ arti pubblika kkummissjonata fil-kuritur li ġie inawgurat reċentament għall-passiġġieri li jaslu minn pajjiżi fiż-Żona Schengen. Dan se jinħoloq permezz ta’ sejħa miftuħa li tistieden lil artisti, studios u proġetti kollaborattivi biex jikkontribwixxu għal din il-pjattaforma kulturali ġdida. L-istrateġija hija mfassla sabiex tiżviluppa id f’id mal-iżvilupp tal-ajruport, bil-ħsieb li eventwalment jiġu stabbiliti żoni ta’ attivazzjonijiet kulturali permanenti u kalendarju kulturali strutturat.

“Ajruport mhuwiex biss post ta’ tranżitu, iżda wieħed kulturali wkoll. Billi ntejbu l-viżibbiltà tal-kollezzjoni eżistenti u noħolqu proċessi trasparenti għal kummissjonijiet ġodda, se nkunu qegħdin niżviluppaw programm li jirrifletti l-identità Maltija u jevolvi mal-ajruport matul iż-żmien,” qalet Maria Galea, Strateġista Kulturali u Konsulenta tal-Arti.

Dan il-programm, li qed jitnieda fi żmien ta’ trasformazzjoni għall-ajruport, huwa maħsub biex jgħin lill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta jsaħħaħ is-sens ta’ identità fit-terminal permezz ta’ proġetti mmexxija minn artisti, kummissjonijiet artistiċi, inizjattivi li jintegraw l-arti u l-kultura fi spazji eżistenti, u kollaborazzjonijiet strateġiċi.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport