Wednesday, July 24, 2024

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta mistenni jilqa’ 8.45 miljun passiġġier sal-aħħar tal-2024

Aqra wkoll

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qiegħed jirrevedi t-tbassir tiegħu għas-sena 2024 biex issa, sal-aħħar tas-sena, qed jistenna li jilqa’ 8.45 miljun passiġġier, jiġifieri madwar 650,000 passiġġier iżjed minn kemm għaddew mill-ajruport fl-2023.

L-ajruport kien f’pożizzjoni li jirrevedi ‘l fuq dan it-tbassir hekk kif it-tkabbir b’saħħtu li esperjenza s-sena li għaddiet, kompla wkoll fl-ewwel xhur tal-2024 u mistenni jibqa’ b’saħħtu fix-xhur li ġejjin, partikolarment fix-xhur bieżla tas-sajf.

774,562 passiġġier jgħaddu mill-ajruport f’April

Bħax-xhur ta’ qablu, it-traffiku tal-passiġġiera matul ix-xahar ta’ April ukoll rreġistra żieda fuq il-livelli miksuba fl-2023. Fil-fatt, matul ix-xahar li għadda, għaddew mill-ajruport 774,562 passiġġier, jiġifieri żieda ta’ 9.3 fil-mija fuq l-istess xahar tal-2023. Fl-istess xahar, kienet irreġistrata żieda ta’ 9.6 fil-mija fil-moviment tal-ajruplani.

Filwaqt li l-postijiet disponibbli fuq it-titjiriet żdiedu b’10.5 fil-mija fuq l-istess perjodu tal-2023, l-okkupanza medja fuq it-titjiriet naqset bi ftit għal 83.8 fil-mija.

Is-swieq l-aktar importanti matul ix-xahar ta’ April baqgħu l-Italja, ir-Renju Unit, il-Ġermanja, Franza u l-Polonja. Filwaqt li t-traffiku tal-passiġġiera mir-Renju Unit (+23.9 fil-mija), il-Ġermanja (+4.5 fil-mija) u l-Polonja (47.0 fil-mija) qabeż dak tal-2023, is-suq Taljan u dak Franċiż esperjenzaw tnaqqis ta’ 2.8 fil-mija u 3.8 fil-mija rispettivament.

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta jirrevedi t-tbassir finanzjarju

Fid-dawl ta’ dawn ir-riżultati pożittivi u dawk prospettivi, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qiegħed jirrevedi wkoll it-tbassir finanzjarju tiegħu biex issa qiegħed jistenna dawn ir-riżultati:

  • Dħul ta’ €132 miljun
  • EBITDA li tilħaq it-€82 miljun
  • Profitt Net li jammonta għal €44 miljun
  • CAPEX ta’ madwar €60 miljun
Ekonomija

Sport