Sunday, December 22, 2024

L-Ajruport jikkonkludi x-xogħlijiet ta’ ristrutturar fuq mitjar 05-23

Aqra wkoll

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta lbieraħ temm ix-xogħlijiet li permezz tagħhom ta wiċċ ġdid lill-Mitjar 05-23. Twil 2.4 kilometru, il-mitjar sekondarju tal-ajruport inbena bħala bażi militari tal-ajru fi żmien li Malta kienet kolonja tar-Renju Unit. Il-mitjar infetaħ mill-ġdid għall-Avjazzjoni Ġenerali, bl-operat kollu mistenni jirritorna għan-normal sal-aħħar tal-2023, b’xi xogħlijiet infrastrutturali żgħar skedati li jsiru fil-bidu ta’ Jannar.

Mitjar 05-23 jintuża l-aktar mill-ajruplani tal-Avjazzjoni Ġenerali u anke minn istituzzjonijiet ta’ taħriġ tal-avjazzjoni. Madanakollu, l-istess mitjar jintuża wkoll minn 9% tat-traffiku kummerċjali tal-ajruport. Apparti aktar flessibilità lill-operat tal-ajruport, ix-xogħlijiet ta’ ristrutturar li saru fuq dan il-mitjar huma kruċjali biex eventwalment, fis-snin li ġejjin, jibdew xogħlijiet infrastrutturali importanti fuq il-Mitjar 13-31, il-mitjar ewlieni tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.

“Bdejna dan l-investiment ta’ €14-il miljun fl-ewwel ġimgħa ta’ Ottubru u rajna li x-xogħlijiet ikunu konklużi f’inqas minn tliet xhur. Dan il-proġett ta’ rijabilitazzjoni tal-mitjar sekondarju sar bħala parti mill-programm ta’ investiment kapitali ta’ €250 miljun, mifrux fuq ħames snin, li se jkun qed itejjeb b’mod sinifikanti is-sigurtà u l-effiċjenza tal-operat u l-infrastruttura tal-ajruport tagħna,” qal il-Kap Eżekuttiv tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, Alan Borg.

Min-naħa tiegħu, id-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tal-Avjazzjoni Ċivili fi ħdan Transport Malta, il-Kaptan Charles Pace qal li jinsab kuntent li dan il-proġett żamm mal-miri għat-tlestija u għalhekk jistgħu jitneħħew ir-restrizzjonijiet imposti fuq il-komunità tal-Avjazzjoni Ġenerali.

“Huwa minnu li dawn ir-restrizzjonijiet kienu iebsa u kien diffiċli li jinstab bilanċ meta tqis li l-ajruport sar ikun bieżel is-sena kollha, iżda dawn ix-xogħlijiet kienu neċessarji,” insista l-Kaptan Pace.

Minħabba l-kobor tax-xogħlijiet infrastrutturali li kellhom isiru, dan il-proġett inħadem f’fażijiet li kienu ppjanati b’mod metikoluż, bl-iskavar, il-bini u r-rikostruzzjoni ta’ partijiet mill-mitjar jibqgħu għaddejja bil-lejl u binhar, bil-għan li x-xogħlijiet ikunu konklużi b’mod sigur u fl-iqsar żmien possibbli. Il-kisbiet ewlenin ta’ dan il-proġett huma mniżżla iżjed ‘l isfel.

Is-Sur Borg esprima l-gratitudni tiegħu lit-tim ta’ 400 persuna li kien involut f’dan il-proġett. “Irrid nieħu din l-okkażjoni biex nirringrazzja lit-tim kollu tal-ajruport li ħadem lejl u nhar biex dan il-proġett estensiv ikun konkluż sal-aħħar tas-sena.

Irrid nirringrazzja wkoll lil diversi entitajiet terzi, inklużi l-Malta Air Traffic Control Services, il-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura, u l-Proġetti Kapitali u d-Direttorat għall-Avjazzjoni Ċivili fi ħdan Transport Malta, u anke lill-kuntratturi u s-sub-kuntratturi, għall-koperazzjoni tagħhom u għall-irwol kruċjali li kellhom biex stajna nagħtu wiċċ ġdid lill-Mitjar 05-23.”

Kisbiet ewlenin tal-proġett

Ix-xogħlijiet ta’ ristrutturar, li bdew fl-ewwel ġimgħa ta’ Ottubru u li ġew fi tmiemhom fl-aħħar ġimgħa ta’ Diċembru, kienu jinkludu sensiela ta’ interventi importanti biex isaħħu u jimmodernizzaw l-infrastruttura ta’ Mitjar 05-23.

Kisbiet ewlenin ta’ dan il-proġett massiċċ kienu jinkludu:

  • Il-kisi tal-mitjar b’madwar 35,000 tunnellata ta’ asphalt speċjali.
  • Il-bidla ta’ madwar 3,000 metru kwadru ta’ konkrit miksur biex tkun tista’ tissaħħaħ l-integrità strutturali tal-mitjar.
  • L-iskavar ta’ 50 kilometru ta’ kanali fil-ġnub tal-mitjar u l-installazzjoni ta’ 35 kilometru cables. Ġew introdotti wkoll 100 tappiera ġdida biex jiffaċilitaw xogħlijiet ta’ manutenzjoni li jkun hemm bżonn minn żmien għal żmien.
  • L-installazzjoni ta’ aktar minn 2.4 kilometri ta’ pajpijiet għall-ilma tax-xita bil-għan li jkun mitigat ir-riskju li jinġema’ l-ilma fuq il-mitjar.
  • L-applikazzjoni ta’ sinjali ġodda biż-żebgħa fuq medda ta’ 6,500 metru kwadru.
  • L-installazzjoni ta’ sistema ta’ dawl state-of-the-art biex tikkumplimenta l-installazzjoni ta’ 300 bozza ġdida tul il-mitjar.
Ekonomija

Sport