Tnejn mill-akbar sħab kummerċjali tal-Amerika, il-Kanada u l-Messiku, qed iħejju ritaljazzjoni jekk Donald Trump jimponi tariffi akbar fuq l-esportazzjonijiet tagħhom lejn l-Istati Uniti wara li l-president Trump tenna t-theddida tiegħu li jolqot liż-żewġ pajjiżi b’dazji ġodda.
Uffiċjali f’Ottowa l-Kanada u fil-Belt tal-Messiku fasslu pjanijiet biex jirritaljaw kontra l-Istati Uniti b’tariffi tagħhom stess, li jqanqlu l-prospett ta’ gwerra kummerċjali li tagħmel ħsara kbira. Negozji ġewwa l-Istati Uniti u madwar id-dinja wissew dwar tfixkil mifrux jekk l-amministrazzjoni ta’ Trump tmexxi ‘l quddiem il-pjanijiet tagħha ta’ tariffi ogħla.
Trump ripetutament wiegħed fil-kampanja elettorali li juża t-tariffi biex terġa titqajjem l-ekonomija tal-Istati Uniti, filwaqt li njora t-tħassib ta’ ħafna ekonomisti li l-impożizzjoni ta dazji ogħla fuq oġġetti minn barra l-pajjiż se jaggravaw l-inflazzjoni, aktar milli jbaxxiu l-prezzijiet.
Filwaqt li l-kampanja ta’ Trump ipproponiet tariffa universali fuq l-oġġetti barranin kollha, l-amministrazzjoni Trump s’issa għażlet li timmira biss lejn sħab kummerċjali speċifiċi tal-Istati Uniti. Il-president għamilha ċara li ċ-Ċina u l-Unjoni Ewropea qegħdin fil-mira tiegħu wkoll, iżda s’issa ffoka fuq l-eqreb ġirien tal-Amerika, il-Kanada u l-Messiku.
Ġmgħat wara r-rebħa elettorali tiegħu f’Novembru li għadda, Trump ħabbar fuq in-netwerk soċjali tiegħu stess li mar-ritorn tiegħu fil-kariga huwa jiffirma d-dokumenti kollha meħtieġa biex timponi tariffa ta’ 25% fuq il-Messiku u l-Kanada.
Il-Messiku għandu jwaqqaf lil “barranin illegali” milli jaqsmu l-fruntiera lejn l-Istati Uniti, kien qal Trump, u l-Kanada trid twaqqaf it-traffikar tad-drogi fentanyl lejn l-Amerka. “Sakemm jagħmlux hekk, wasal iż-żmien li jħallsu prezz kbir ħafna” kien hedded Donald Trump.
Trump, fil-fatt, ma ffirmax dawn id-dokumenti wara l-inawgurazzjoni tiegħu. Minflok, introduċa skadenza – l-1 ta’ Frar – sa meta ż-żewġ pajjiżi suppost isolvu t-tħassib tiegħu.
Fl-aħħar ġimgħat Trump sostna li l-amministrazzjoni tiegħu se tgħolli d-dazji b’mijiet ta’ biljuni ta’ dollari, u anke triljuni ta dollari permezz ta’ tariffi bħala dħul estern biex tingħata spinta lill-ekonomija Amerikana.
Filwaqt li hu u l-alleati tiegħu qed ikomplu jiddiskutu dwar it-tariffi bħala dħul finanzjarju vijabbli għall-Istati Uniti, Trump – li kemm bħala politiku kif ukoll bħala protagonist tat-televiżjoni tar-realtà ftaħar ħafna dwar il-ħila tiegħu biex jinnegozja – qajjem il-kwistjoni tat-tariffi bħala tattika ta’ negozjar, sabiex jirtira t-theddida tiegħu.
Din l-istrateġija seħħet inqas minn ġimgħa wara l-inawgurazzjoni tiegħu, meta l-White House hedded lill-Kolumbja b’tariffi u sanzjonijiet bħala kastig għar-rifjut tagħha li taċċetta titjiriet militari li jġorru deportati. Il-Kolumbja aktar tard qablet u t-theddida ġiet irtirata.
Lawrence Herman, avukat tal-kummerċ internazzjonali u sħabu fis-CD Howe Institute irrimarka li r-realtà llum hija li bully kbir u mhux ikkontrollat qed juża l-pożizzjoni tiegħu bħala l-aktar mexxej politiku b’saħħtu fid-dinja, biex jagħmel pressjoni fuq firxa sħiħa ta’ alleati.
Herman qal ukoll li għall-amministrazzjoni Trump, “m’hemm l-ebda regoli. M’hemm l-ebda rispett għal trattati jew ftehim internazzjonali. M’għadx hemm valur għall-firma tal-Istati Uniti fuq dokumenti internazzjonali.”