Wednesday, December 10, 2025

‘L-akbar differenza kienet il-mentalitá u l-attitudni’ – Ryan Vella

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

L-imħabba tiegħi għall-futbol bdiet minn etá żgħira grazzi għal familti li min dejjem kienu involuti mal-club tal-Mġarr ukoll u għadhom sal-lum il-ġurnata. Minn ta’ erba’ snin niftakarni dejjem nilgħab bil-ballun. Ta’ sitt snin dhalt fin-nursery tal-Mġarr United FC u waqaft nilgħab fl-etá ta’ 23 sena biex niffoka aktar fuq kowċing. 

Iddeskrivi r-rwol tiegħek bħala kowċ tat-tim tan-nisa ta’ Mġarr United FC.

F’nofs l-istaġun 2023-2024 il-kumitat offrewli l-opportunitá li nikkowċja t-tim tan-nisa. Dak iż-żmien kont fil-ħames sena nikkowcja t-tim tal-minors tal-irġirl ta’ Mġarr, u ħassejt li wara ħames snin din kienet opportunitá sabiħa u li nibdel u nipprova xi ħaġa ġdida fil-karriera tiegħi.

Għal dawk l-aħħar xhur bqajt bir-rwol doppju ma’ żewġ timijiet, imma f’moħħi kont naf li l-istaġun ta’ wara kont ħa nkun kowċ tat-tim tan-nisa biss. Il-fatt li t-tim tan-nisa tagħna kien għadu qatt ma rebaħ kampjonat jew knock-out kienet waħda mill-motivazjonijiet tiegħi biex nagħmel din il-bidla għax ħassejt li bħala skwadra dejjem kien hemm timijiet tajbin u sfortunatament qatt ma rnexxielhom jirbħu Tazza.

Konna nafu li bi ftit tibdil żgħir, konna se nkunu iktar kompetittivi, u l-istaġun li għadda bdejna l-proċess biex insaħħu l-iskwadra, kemm bħala coaching staff, u anke bħala plejers. Nistgħu ngħidu li grazzi għax-xoghol li għamel il-kumitat matul l-istaġun li għadda, illum għandna set-up ta’ coaching staff f’kull dipartiment li l-plejers għandhom bżonn, u barra minn hekk għamilna akkwisti ta’ plejers li konna nafu li ħa jagħtu imbuttatura lit-tim biex jagħmel il-pass li jmiss. 

Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. X’tahseb li kien is-sigriet wara s-suċċess bir-rebħ tal-Jubilee Cup?

Onestament ma nħossx li kien hemm sigrieti jew affarijiet differenti mis-soltu. Preparajna għal-logħba bħal kull logħba ohra li kellna s’issa. Naħseb li l-akbar differenza kienet il-mentalitá u l-attitudni. Wara li sibna ruħnna min taħt wara t-80 minuta, it-tim reġa’ ħa kontroll, u rnexxielna ndawru r-riżultat favurina.

X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul dan l-istaġun sa issa, fejn tinsabu fl-ewwel post fil-klassifika?

S’issa kellna staġun pożittiv ħafna, fejn taqta’ t-telfa tas-Super Cup, irnexxielna nirbħu l-logħob kollu sa issa. Ir-riżultati s’issa huma kollu mertu tal-plejers tal-ħidma u s-sagrifiċċji kontinwa li qegħdin jagħmlu.

X’inhuma t-tragwardi tagħkom għal dan l-istaġun?

Għalkemm qatt m’għamilna ‘end goal’ għal dan l-istaġun, inħossu li ghandna tim bix nikkompetu għal kull kompetizjoni li nistgħu nikkompetu fiha. It-timijiet ta’ madwarna ssaħħew ħafna wkoll, peró, xogħolna huwa li nibqgħu nipreparaw it-team bl-aħjar mod possibli logħba wara logħba … imbagħad naraw dan fejn iwassalna fl-aħħar tal-istaġun!

Kif tqis il-livell attwali tal-futbol tan-nisa f’pajjiżna?

Fil-futbol tan-nisa hawn Malta hawn ħafna pożittiv kif ukoll negattiv. Waħda mill-aktar affarijiet posittivi li hawn hi li hawn ħafna nisa ta’ etajiet varji jilagħbu barra minn xtutna f’livelli tajbin u dik qegħdin naraw il-frott tagħha x’hin tara r-riżultati tat-tim nazzjonali Malti.

Peró, inħoss li bħala kampjonat inġenerali ta’ Malta, għadna ftit lura, speċjalment x’ħin tara li fil-futbol tal-irġiel hemm fuq 50 klabb jikkompetu fil-kampjonati tal-MFA , u fil-kampjonat tan-nisa  kulma hemm huma tmien timijiet biss.

Barra minn hekk, inħoss li jekk irridu nibqgħu ntejbu l-livell globali tal-futbol tan-nisa, għandna bżonn aktar nies li jinvestu aktar fil-ftit timijiet li baqgħalna fil-futbol femminili għax wara kollox il-plejers femminili jagħmlu l-istess sagrifiċċji li jagħmlu dawk maskili. 

U dak tal-grawnds fejn tilagħbu l-logħob uffiċjali tagħkom?

Il-maġġoranza tal-grawnds li nilagħbu fihom huma ta’ livell tajjeb. Għalkemm dejjem ikollok l-favoriti u jkun hemm waħdiet fejn il-pitch jew il-faċilitajiet jistgħu jkunu aħjar, ċert li l-klabbs jagħmlu minn kollox biex iżommu l-faċilitajiet tagħhom fl-aħjar stat possibli. 

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol? 

Bħala kowċis ma tantx nistgħu ngħidu x’ħa jiġri fil-futur, għax bħalma nafu xogħol ta’ kowċ hu bbażat fuq jekk tilħaqx l-għanijiet tal-klabb li tkun qiegħed taħdem miegħu jew le.

Xogħoli għal dan l-istaġun hu li nibqgħu nippruvaw nibnu fuq l-istaġun li għadda u ntejbu kemm nistgħu l-plejers u t-tim inġenerali biex ikollna l-aqwa riżultat possibli … jekk nagħmlu dan, nistgħu ngħidu li nkunu għamilna xogħolna, imbagħad naraw il-futur x’joffrilna! 

Għaddi messaġġ finali speċjalment lil dawk il-bniet u t-tfajliet li jixtiequ jagħmlu karriera ta’ suċċess fil-futbol.

L-aktar ħaga importanti hi li tieħu gost tilgħab l-isport li tant inħobbu. Kultant niġu wisq għomja minn riżultati jew minn kliem ta’ xi nies, li ninsew l-ammont ta’ sagrifiċċji li nkunu għamilna biex wasalna fejn inkunu wasalna. Il-futbol jagħtik ċans tiltaqa’ ma’ ħafna nies u esperjenzi differenti, tagħmel ħbieb ġodda, u huwa żvog biex inessina minn ċerti affarijiet li nkunu għaddejjin minnhom fil-ħajja ta’ kuljum.

Bħal kollox fil-ħajja, jekk tkun imdawwar b’nies li jridulek l-ġid, taħdem u tagħmel is-sagrifiċċji li jkun hemm bżonn, iktar hemm ċans li tasal għall-għanijiet tiegħek! 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport