L-aħbar li l-Università ta’ Malta għandha defiċit li issa jlaħħaq €11-il miljun, tqajjem diversi mistoqsijiet. Mhux biss mistoqsijiet dwar kif l-Università qed tamministra l-budget tagħha, imma wkoll mistoqsijiet politiċi indirizzati lill-Partit Nazzjonalista u l-mod kif joħorġu l-istqarrijiet tagħhom.
F’April tal-2018, wara konsultazzjoni mal-partijiet interessati fl-Università ta’ Malta, tħejja abbozz tal-att il-ġdid dwar l-Università ta’ Malta, li reġa mar għall-konsultazzjoni qabel eventwalment għadda mill-Parlament.
Dan kien Att li jista’ jitqies bħala wieħed storiku, għaliex permezz tiegħu, il-Gvern biddel l-operat tal-Università għall-wieħed aktar demokratiku, parteċipattiv u awtonomu. L-Att il-ġdid għalhekk naqqas is-saħħa tal-Gvern fl-operat u d-deċiżjonijiet tal-Università biex jiżdied ir-rwol tal-istudenti u l-istaff akkademiku.
Att li ra n-numru ta’ membri tal-Kunsill innominati mill-Gvern jinżel minn erbatax għal sebgħa. Dan fisser li s-siġġijiet li battal il-Gvern, imtlew minn studenti u partijiet oħra mhux governattivi. Bil-liġi l-ġdida, ir-Rettur issa beda jiġi elett mill-Kulleġġ Elettorali.
Dan kollu fisser ukoll li l-Università ta’ Malta hija awtonoma, u għalhekk mhux biss tamministra l-akkademiku, dak kollu li huwa marbut magħha, inkluż il-finanzi.
It-Torċa tinnota li matul is-snin, mil-2013 ‘l hawn, l-Università rat allokazzjoni mill-Gvern dejjem jikber ma’ kull budget. Fl-2012, l-allokazzjoni li kellha l-Università minn Gvern Nazzjonalista kien ta’ ftit inqas minn €50 miljun. L-allokazzjoni li l-Università ngħatat fil-budget għal din is-sena huwa ta’ madwar €126 miljun bejn allokazzjoni rikorrenti u dik kapitali.
Din mhux l-unika allokazzjoni li tingħata l-Università, għaliex tibbenefika wkoll minn Fondi tal- ERDF (European Regional Development Fund) għal proġetti infrastrutturali, u wkoll minn diversi allokazzjonijiet sostanzjali, kemm mill-gvern, li fil-Budget jinstab bħala University of Malta Academic Research Fund li jammonta għal aktar minn miljun, u wkoll minn entitajiet oħra.
Dawn huma allokazzjonijiet li tamministra l-Università, skond kif tara li huma l-prijoritajiet tagħha. Il-Gvern kull ma’ jagħmel huwa li jinvesti l-miljuni. Dan l-investiment li ma kull budget dejjem żdied, huwa turija ċara li dan il-Gvern jemmen bil-fatti fir-riżors uman, fl-edukazzjoni, fl-istudenti tal-lum u tal-futur u wkoll fl-istaff akkademiku tal-Università ta’ Malta.
Tajjeb li jingħad li madwar 85% tal-allokazzjoni li l-Università tingħata mill-Gvern fil-budget, imorru għas-salarji. Bħalissa għaddejjin diskussjonijiet mal-UMASA, il- University of Malta Academic Staff Association dwar ftehim kollettiv ġdid, li fih, fost oħrajn, qed jintalbu wkoll żidiet fis-salarji.
Huwa hawnhekk fejn jqumu l-mistoqsijiet. Kif qed jiġi amministrat il-budget tal-Università? X’inhuma l-prijoritajiet li fihom l-Università qed talloka l-fondi? Għaliex inġemgħa dan id-defiċit?
Id-dokumenti tal-budget huma dokumenti pubbliċi. Għalhekk l-Oppożizzjoni għandha wkoll aċċess għalihom. Huwa għalhekk li tqum il-mistoqsija politika dwar il-kontenut tal-istqarrija li ħarġu l-Kelliema tal-Oppożizzjoni, biex bil-ġiri jikkritikaw lill-Gvern dwar id-defiċit tal-Università.
Bl-investiment li qed jagħmel il-Gvern fl-Università, inkluż l-allokazzjonijiet ta’ miljuni, inħossu li mhux floku l-kumment tal-Kelliema tal-PN li l-Gvern m’għandu l-ebda interess li jagħti s-sostenn biex l-Università topera bla problemi u toffri l-iżvilupp akkademiku li jistennew li jsibu l-istudenti.
Kontra dak li ngħad mil-Partit Nazzjonalista, il-Gvern mhux qed iħalli lill-Università tfendi għal rasha u tegħreq waħidha, għaliex qed jagħtiha s-sostenn finanzjarju li hemm bżonn biex tallokaħ kif tħoss il-ħtieġa, mingħajr indħil politiku.



