Sunday, December 22, 2024

L-akbar investiment f’pensjonijiet u benefiċċji soċjali ta’ kull żmien

Aqra wkoll

L-investiment soċjali fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena kiber bi kważi €92 miljun għal €772.3 miljun. Dan kien l-akbar investiment ta’ kull żmien, bl-akbar żieda li qatt ġiet irreġistrata għal dan il-perjodu.

L-investiment fuq pensjonijiet u benefiċċji soċjali fl-ewwel sitt xhur biss tal-2024 kien kważi daqs it-total ta’ sena sħiħa li kien ingħata fis-sena 2012. Dan ifisser li l-investiment soċjali fuq pensjonijiet u benefiċċji soċjali sal-aħħar tal-2024 se jkun kważi rdoppja fuq 12-il sena ilu.

Ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, juru li l-investiment totali fuq benefiċċji kontributorji u dawk mhux kontributorji bejn Jannar u Ġunju żdied b’13.4% fuq l-istess perjodu fl-2023.

Il-pagamenti f’benefiċċji kontributorji, inkluż pensjonijiet, żdiedu b’€56.5 miljun għal €605 miljun. Pensjonanti tal-irtirar, invalidi u romol kienu l-akbar benefiċċjarji. Bejniethom tħallsu €525.5 bħala pensjoni u €72 miljun f’bonus li jirċievu mal-pensjoni. Miġbura flimkien, kienu jgħoddu għal iżjed minn €55.4 miljun aktar fuq dak li tħallsu fl-istess perjodu fl-2023.

Dan kien prinċipalment dovut għaż-żieda ta’ €15 fil-ġimgħa fir-rati tal-pensjonijiet tas-sigurtà soċjali u għall-aġġustament tal-Ogħla Dħul Pensjonabbli li beda jseħħ minn din is-sena fil-pensjoni tal-irtirar u tar-romol ta’ eluf ta’ persuni li twieldu qabel l-1962.

Barra minn dan it-titjib, pensjonanti romol ukoll kellhom żidiet oħra fil-pensjoni tagħhom bis-saħħa ta’ proċess ta’ aġġustament biex il-pensjoni tagħhom finalment tkun daqs li kienu jirċievu l-konjugi tagħhom.

Benefiċċji mhux kontributorji

Iż-żieda fl-investiment fuq benefiċċji mhux kontributorji kienet ta’ ftit aktar minn €35 miljun fl-ewwel sitt xhur tal-2024. Din kienet tfisser qabża ta’ kważi 27% għal total ta’ €167.3 miljun. Dan it-tkabbir kien dovut l-aktar għal żieda ta’ €13.5 miljun fil-benefiċċji immirati lejn tfal fil-familja, b’mod partikolari l-ewwel ħlas li sar tal-Allowance speċjali ta’ €500 għall-istudenti f’tagħlim post-sekondarju u taż-żieda ta’ €250 fis-suppliment għal kull wild fir-rigward tal-Allowance tat-Tfal. Iż-żieda fil-ħlas ta’ dawn iż-żewġ benefiċċji biss laħħaq madwar €18-il miljun aktar mill-istess perjodu fl-2023.

Impatt ieħor fuq iż-żieda fl-investiment soċjali kien il-ħlas tat-tieni pagament tal-Benefiċċju Addizzjonali għall-Ogħli tal-Ħajja biex jagħmel tajjeb għall-effett tal-inflazzjoni. B’kollox 98,272 familja b’madwar 196,000 persuna tħallsu €18.4 miljun.

Anzjani fl-età ta’ 75 sena u aktar ukoll kellhom titjib fir-rata tal-Għotja għall-Anzjani. Dan wassal biex il-ħlas tal-għotja tagħhom titla’ għal €15.4 miljun, żieda ta’ €1.7 miljun fuq is-sena ta’ qabel.

B’reazzjoni għal din l-istatistika, il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon tenna li dan il-Gvern b’mod reali jħoss il-polz u jamministra politika li tħalli aktar flus fil-bwiet tan-nies. “Il-familji u l-pensjonanti jafu fejn qegħdin magħna fejn jidħlu benefiċċji soċjali. Dak li wegħidna dejjem implimentajnieh b’mod komplut u hekk ser inkomplu nagħmlu fiż-żmien illi ġej,” saħaq il-Ministru Michael Falzon.

Ekonomija

Sport