Sunday, August 3, 2025

L-akbar kumpaniji tat-teknoloġija nefqu $155 biljun fuq l-AI din is-sena

Aqra wkoll

L-akbar kumpaniji fl-Istati Uniti qattgħu din is-sena f’kompetizzjoni bejniethom biex jaraw min se jonfoq l-aktar, fejn jirriżulta li nefqu $155 biljun fuq l-iżvilupp tal-Intelliġenza Artifiċjali (AI) – iktar minn kemm nefaq il-Gvern Amerikan fuq l-edukazzjoni, it-taħriġ, l-impjiegi u s-servizzi soċjali matul din l-istess sena fiskali.

Skont dikjarazzjonijiet finanzjarji riċenti tal-akbar kumpaniji f’Silicon Valley, dan l-investiment se jkompli jikber u jista’ jlaħħaq il-mijiet ta’ biljuni f’sena waħda biss. Matul dawn l-aħħar ġimagħtejn, Meta, Microsoft, Amazon u Alphabet ippubblikaw ir-rapporti finanzjarji tagħhom għat-tieni kwart tas-sena. Kull kumpanija żvelat li l-ispiża tagħha fuq investimenti kapitali diġà laħqet għexieren ta’ biljuni ta’ dollari.

L-investiment kapitali, magħruf bħala “Capex”, jintuża bħala indikatur għall-infiq ta’ kumpaniji teknoloġiċi fuq AI, minħabba li t-teknoloġija teħtieġ investimenti massiċċi f’infrastruttura fiżika – jiġifieri ċentri ta’ data li jeħtieġu ammonti kbar ta’ enerġija, ilma, u ċipep ta’ semikondutturi għaljin. 

Google qalet li n-nefqa kapitali tagħha “tirrifletti primarjament investimenti f’servers u ċentri tad-data biex jappoġġjaw l-AI”. Min-naħa l-oħra, l-infiq kapitali ta’ Meta minn Jannar sa issa laħaq it-$30.7 biljun, id-doppju ta’ kemm nefqet fl-istess perjodu s-sena li għaddiet. Matul it-tieni kwart ta’ din is-sena, din il-kumpanija nefqet $17-il biljun f’investiment kapitali, ukoll id-doppju ta’ dak irreġistrat fl-istess perjodu tal-2024.

Alphabet irrapportat kważi $40 biljun f’investiment kapitali għall-ewwel nofs ta’ din is-sena filwaqt li Amazon irrapporat $55.7 biljun. Microsoft qalet li se tonfoq aktar minn $30 biljun fil-kwart attwali biex tibni ċ-ċentri tad-data li jmexxu s-servizzi tagħha tal-AI.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport