Saturday, December 14, 2024

L-akbar preġju huwa meta tara lill-istudenti kuntenti bix-xogħol li jkunu għamlu

Jimmy Aquilina, lettur fl-ITS li dderieġa lill-istudenti għall-wirja tal-kejkijiet u l-iskulturi taċ-ċikkulata

Aqra wkoll

Bħalissa fl-ITS qed tittella’ wirja ta’ kejkijiet tat-tiġijiet flimkien ma’ skulturi magħmula miċ-ċikkulata li nħadmu mill-istudenti stess bis-superviżjoni tal-għalliem tagħhom, il-Kok Jimmy Aquilina.

Kemm il-kejkijiet kif ukoll l-iskulturi għandhom stil varjat: minn dak tradizzjonali sa stil modern, b’kuluri u disinji dettaljati.

Għal dawk li tinteressahom il-linja tal-ħelu u/jew l-arti, l-ITS qed tistedinhom biex iżuru l-kampus tagħhom f’Ħal Luqa sal-Ġimgħa d-9 ta’ Ġunju (esklużi s-Sibt u l-Ħadd) bejn id-9:00 a.m. u l-4:00 p.m. biex igawdu din l-esebizzjoni.

Proġett li permezz tiegħu l-istudenti jitgħallmu minn xulxin

Talk.mt iltaqa’ mal-Lettur Jimmy Aquilina li fissrilna illi b’kollox ħadu sehem 22 student u studenta, ibbażati fuq żewġ klassijiet, li bħalissa qed isegwu kors ta’ Baċellerat fl-Arti Kulinarja. L-istudenti, li l-maġġorparti tagħhom għadhom fl-ewwel sena tal-kors, ġew assenjati f’pari fejn kull grupp għażel tema partikolari u eventwalment tnisslu għadd ta’ kejkijiet u skulturi li jisirqu l-għajn.

Il-Lettur Aquilina qalilna li f’nofs it-tieni semestru, lill-istudenti jiddedikawlhom l-aħħar seba’ lezzjonijiet biex jiffukaw fuq l-iskulturi biċ-ċikkulata u l-kejkijiet b’temi differenti. Min-naħa tagħhom, l-istudenti jintalbu jaħdmu fuq xi disinn jew isibu xi stampi biex jippreżentawhom lil-lettur inkarigat mill-proġett sabiex ikun jista’ jassistihom aħjar dwar x’jista’ jsir inkwantu tax-xewqa tagħhom minħabba li ż-żmien huwa daqsxejn limitat.

Ladarba tiġi miftiehma t-tema, “Minn hemmhekk jibda jsir proċess wara l-ieħor. Bdejna biċ-ċikkulata: kellna lezzjoni nfasslu l-istruttura, kulħadd b’qisien differenti, imbagħad fit-tieni lezzjoni naraw x’nistgħu nagħmlu; nibnu biċċa fuq l-oħra għax ovvjament iċ-ċikkulata tinħadem b’diversi teknika,” spjega magħna s-Sur Aquilina.

Huwa kompla billi enfasizza l-fatt li matul dan il-proġett, l-istudenti jkollhom l-opportunità li jitgħallmu minn xulxin, fis-sens li għalkemm kull student u studenta jkunu qed jiffukaw fuq l-assenjament tagħhom personali, xorta waħda jeħtieġu li jaraw x’qed jagħmlu sħabhom biex ikompli jesploraw iżjed x’tinvolvi t-teknika taċ-ċikkulata. Mat-tielet lezzjoni tibda tieħu l-forma, sakemm fl-aħħar lezzjoni x-xogħol kollu jingħaqad f’daqqa.

Ritratt: Roger Azzopardi

Is-Sur Aquilina għaraf li għall-bidu proġett bħal dan ikun daqsxejn ta’ sfida għall-istudenti sakemm ma jaqbad jinbena u sussegwentement jaqbdu jifhmu l-kunċett. Dan minħabba li għall-maġġorparti tal-istudenti “Din hija l-ewwel esperjenza, kemm biex jaħdmu biċ-ċikkulata u anki kif nagħmlu l-kejkijiet”.

Intant, huwa saħaq li jinsab kuntent bl-istudenti attwali, għaliex apparti li għal ħafna minnhom hija l-ewwel darba li ħadmu dat-tip ta’ xogħol, tajjeb li nsemmu wkoll li mhux bilfors illi l-istudenti kollha li ħadu sehem fil-proġett beħsiebhom ikomplu fuq is-sengħa tal-ħelu. B’rabta ma’ dan, esprima s-sodisfazzjon li jħoss meta jara lill-istudenti jinteressaw ruħhom matul dawn il-lezzjonijiet taċ-ċikkulata u l-kejkijiet: “L-aktar preġju li tieħu li tara lill-istudent kuntent bix-xogħol li jkun prepara u għamel”.

L-għalliem tkellem ukoll dwar l-irwol importanti li għandha t-temperatura, speċjalment meta jsir xogħol biċ-ċikkulata: “Fejn tidħol iċ-ċikkulata bilfors irid ikollok l-ambejnt, normalment bejn il-15°C u t-18°C bħala temperatura”. Però dan jiddependi skont xi tkun qed tagħmel u għal xiex qed tużaha. “Hemm proċess ta’ kif inti taħdem iċ-ċikkulata. Jekk inti ma ssegwihx jew ma tagħmilx il-proċess kif suppost, ovvjament int ma jkollokx ir-riżultat mixtieq, fis-sens li ċ-ċikkulata tinħallek, ma tiġikx tleqq …” temm is-Sur Aquilina.

“Xi ħaġa differenti … tieħu pjaċir biha xħin tara kollox komplut”

Dan is-sit ħa xi kummenti wkoll mingħand wieħed mill-istudenti, Owen Bray, li ħadem kejk u skultura taċ-ċikkulata flimkien mal-istudenta Ruth Axisa: “Sakemm persuna qed tgħaqqad il-fjuri, xi ħadd ieħor qed jimla l-forom biċ-ċikkulata jew qed jifforma l-weraq”. Fisser ukoll li dan kollu kien possibbli bis-sorveljanza tal-Lettur Jimmy Aquilina.

Huwa qalilna li matul dan l-aħħar semestru “Kull ġimgħa kull student kellu t-theme night tiegħu fejn l-istudent ikollu f’idu l-kċina tal-pastry u tad-dinner”. Kompla jispjega li minħabba li t-tema tiegħu kienet fuq il-prodotti lokali ddeċieda li għall-iskultura jagħmel is-salib tal-Kavallieri minħabba li tinteressah l-istorja.

Owen qalilna illi l-iskultura taċ-ċikkulata ħaditilhom madwar 18-il siegħa xogħol, li hu flimkien mal-kollega tiegħu qasmuhom fuq medda t’erba’ ġimgħat. Il-kejk ħadilhom 16-il siegħa li qassmuhom f’ġimagħtejn.

Finalment, tlabna lil Owen biex jagħtina l-opinjoni tiegħu dwar is-sinifikat ta’ dan il-proġett: “Fil-fehma tiegħi naħseb li l-kulħadd tgħin għax hija xi ħaġa differenti, xi ħaġa li tieħu ħafna ħin … tieħu pjaċir biha xħin tara kollox komplut”.

Ekonomija

Sport